F’aħbar esklussiva oħra, ONE News jista’ jiżvela u jikkonferma li nsteraq id-deheb mid-dar tat-Tabib Christian Pandolfino, fejn seħħ l-omiċidju doppju, it-Tlieta filgħaxija f’tas-Sliema.
Sorsi qalu li l-investigaturi kkonfermaw li nsteraq id-deheb mid-dar li tinsab fi Triq Locker, f’kantuniera ma’ Triq Tony Nicholl.
Sorsi qalu lil ONE News li n-nies li tkellmu mal-pulizija qalu li Dr. Pandolfino kien jilbes fuqu ammont kbir ta’ deheb.
Dan kien jagħmlu fil-pubbliku, filwaqt li s-sieħeb tiegħu, Ivor Maciejowski huwa kollezzjonist tal-arti kontemporanja.
Fil-fatt ritratti tal-koppja fuq il-midja soċjali jixhdu dan.
L-istess sorsi qalulna li l-pulizija ma sabitx ħafna taqlib fir-residenza u jidher li lanqas ma kien hemm xi sgass.
Filwaqt li l-pulizija għadha trid tistabilixxi l-mottiv eżatt tal-qtil ta’ żewġt irġiel, kollox qed jipponta li seħħet serqa u ġew sparati tiri b’arma tan-nar li qatlu l-koppja li kienet fid-dar.
Aktar kmieni, ONE News żvela li tliet irġiel dehru jiġru b’basket kbir f’idejhom, rikbu f’karozza bajda u telqu minn fuq il-post.
Dan ġara viċin id-dar fejn seħħ l-omiċidju doppju.
ONE News żvela li l-pulizija kisbet din l-informazzjoni minn filmati elevati minn kameras tas-sigurtà u min-nies li tkellmu mal-pulizija li nzertaw qrib lukanda fiż-żona ta’ Qui-si-Sana.
Kien ilbieraħ għall-ħabta tal-10:30 pm meta l-pulizija sabet lil Dr. Christian Pandolfino u s-sieħeb tiegħu Ivor Maciejowski, tan-nazzjonalità barranija, f’għadira demm fir-residenza privata f’Tas-Sliema.
Huwa mifhum li Pandolfino kien tabib li sar bankier snin ilu u għamel xi żmien barra minn Malta f’Londra fejn għamel suċċess fil-karriera tiegħu u madwar ħmistax-il sena ilu huwa ġie lura f’pajjiżna.
https://www.one.com.mt/2020/08/19/tliet-persuni-dehru-jigru-bbasket-kbir-fidejhom-fejn-id-dar-li-fiha-sehh-l-omicidju-doppju-1/