ONE News jinsab f’pożizzjoni li jiżvela li r-raġel li nstab mejjet f’bagoll ta’ karozza f’Ħal Qormi, qala’ madwar ħamsa u erbgħin daqqa ta’ sikkina, b’uħud minnhom huma daqqiet ħfief aktar f’forma ta’ grif iżda dawk fatali kienu daqqiet fil-qalb u l-pulmun.
L-awtopsja fuq il-katavru li nstab f’bagoll ta’ karozza f’Ħal Qormi nhar it-Tlieta kkonkludiet li l-vitma inqatel b’diversi daqqiet ta’ sikkina fil-parti ta’ quddiem ta’ sidru.
Fi stqarrija uffiċjali, il-pulizija kkonfermat dak rappurtat minn one.com.mt fil-jum tal-Erbgħa.
Minħabba li l-katavru nstab fi stat avvanzat ta’ dekompożizzjoni, il-vittma għadu ma ġiex identifikat u għalhekk l-analiżi forensika għadha għaddejja fejn l-investigaturi qegħdin jistennew ir-riżultat tat-testijiet tad-DNA biex tkun konfermata l-identità tal-vittma.
Il-katavru nstab fil-karozzata’ Mario Farrugia ta’ 62 sena minn Pembroke.
Farrugia kien ilu rapurtat nieqes mit-28 ta’ Marzu bil-Pulizija kienet qalet li hu kien qed jagħmel użu minn karozza tat-tip Peugout 407 griża bin-numri tar-reġistrazzjoni BGY 074.
Din hija l-istess karozza li nstabet f’Ħal Qormi bil-katavru fil-bagoll tagħha.
Intant hu mifhum li l-Pulizija elevat numru ta’ filmati minn kameras tas-sigurtà sabiex tistabilixxi d-dinamika tal-każ u kif u meta l-karozza ġiet ipparkjata fi Triq il-Wied f’Ħal Qormi.
Madankollu l-Pulizija għadha qed tistabilixxi fejn seħħ ir-reat, dan għaliex hu maħsub li l-karozza bil-katavru fiha tpoġġiet hemm wara li nqatel.
Sa issa għadu mhux magħruf il-mottiv wara dan l-omiċidju madankollu l-Pulizija qed tistenna l-konferma jekk il-katavru huwiex ta’ Farrugia.
Eventwalment il-Pulizija tkun tistudja ħajtu u l-aħħar passi tiegħu.
Minn hawn il-Pulizija tkun f’pożizzjoni aħjar sabiex tibda tistabilixxi minn seta’ wettaq dan l-omiċidju u għaliex twettaq.
Minħabba l-fatt li l-katavru ilu għal aktar minn ġimgħa maqtul, dan jagħmilha iżjed diffiċili għall-investigaturi sabiex jibdew isolvu dik li qed tiġi deskritta bħala kobba mħabbla.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija b’rabta ma’ dan il-każ qed isiru mill-Pulizija tal-Iskwadra tal-omiċidji bil-għajnuna tal-Pulizija tad-Distretti ta’ Ħal Qormi u San Ġiljan, taħt inkjesta Maġisterjali.
Il-Pulizija qed tappella biex min għandu xi informazzjoni li tista’ tgħin fl-investigazzjoni dwar dan l-omiċidju jista’ jċempel, anke b’mod anonimu, fuq in-numri 21224001 jew 119.