Fi ftit sigħat, il-Pulizija arrestat is-suspettati tal-qtil li seħħ it-Tnejn waranofsinhar fi Triq Ross f’San Ġiljan.
Fil-fatt, b’rabta mat-tmien omiċidju tas-sena, il-Pulizija arrestat tliet Rumeni. Dawn għandhom 31, 32, u 35 sena, rispettivament.
It-Tlieta filgħodu, is-sit One.com.mt żvela l-aħbar esklussiva li l-Pulizija arrestat l-allegati aggressuri ftit sigħat wara li kien seħħ dan l-omiċidju.
F’dan l-omiċidju tilef ħajtu b’daqqa ta’ sikkina Joseff Rivas, Ingliż ta’ 44 sena, li kellu ċittadinanza kemm Brittanika kif ukoll Rumena u kien jgħix ir-Rumanija.
Wara li attakkawh, l-aggressuri telqu minn fuq il-post. Il-vittma ttieħed l-isptar Mater Dei għal kura, iżda miet ftit tal-ħin wara.
Sorsi qalu lil ONE News li l-vittma kien involut f’xi ċrieki tal-prostituzzjoni.
Intant, il-Pulizija qalet li t-tliet irġiel qegħdin jinżammu fil-lock-up tal-Pulizija fil-Kwartieri Ġenerali fil-Furjana għal aktar stħarriġ.
L-Inkjesta Maġisterjali u l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għandhom għaddejjin.
Dan l-arrest ikompli x-xejra li kull qtil li seħħ fl-aħħar erba’ snin,ġie solvut u tressqu nies il-Qorti biex jaffaċċjaw il-ġustizzja.