ONE NEWS jista’ jiżvela kif il-Pulizija fis-sigħat li għaddew sabet il-ġojjelleriji u l-flus kontanti li nsterqu minn ħanut tal-ġojjellerija fiż-Żurrieq.
F’din is-serqa, li allegatament saret minn żewġt irġiel barranin ta’ 37 u 26 sena u mara Maltija ta’ 29 sena, tħalla jissielet għal ħajtu anzjan ta’ 67 mill-Fgura wara li ssawwat u tħalla marbut.
Aktar kmieni llum, fi stqarrija l-Pulizija qalet kif l-allegati ħallelin kienu qed jistaħbew f’binja abbandunata f’Tas-Sliema.
Hawnhekk intqal kif tard il-Ħadd filgħaxija, il-Pulizija ċċirkondat il-post u malli daħlu ġewwa, it-tliet persuni ppruvaw jaħarbu, iżda ġew arrestati mill-ewwel.
Huma qegħdin jinżammu fil-lockup tal-Pulizija fil-Kwartieri Ġenerali l-Floriana għal aktar stħarriġ, filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija u l-inkjesta magisterjali b’rabta ma’ dan il-każ għadhom għaddejjin.
Intant, b’reazzjoni għal dan il-każ, il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali, Byron Camilleri qal kif min tgħaddilu minn rasu li jwettaq reati bħal dawn se jinqabad u jrid jiffaċċja l-konsegwenzi.
Fuq Facebook, il-Ministru Camilleri kiteb li s-soċjetà u l-istat ma jittollerawx aġir bħal dan – ġej minn fejn ġej u jagħmlu min jagħmlu.