Il-pulizija għaddejja bi tfittxija għall-allegat aggressur ieħor b’rabta mal-argument tas-Sibt filgħaxija fl-Imsida li b’rabta mal-każ instemgħet sparatura.
Kollox jindika li l-argument qam fuq xiri ta’ droga.
ONE News jista’ jiżvela b’mod esklussiv li l-investigaturi qed jimxu fuq it-teżi, li l-allegat vittma, Libjan ta’ 31 sena, mar biex jixtri d-droga minn blokka t’appartmenti fi Triq Dijonisju Famuċelli.
Il-Libjan instab Birkirkara bi ġrieħi ħfief f’rasu u l-balla li nstabet hija riżultat ta’ sparatura fl-ajru, f’dak meqjus bħala tir ta’ twissija.
ONE News jinsab f’pożizzjoni li jiżvela wkoll li l-balla hija ta’ 9mm.
Wieħed mill-allegat aggressuri jinsab f’idejn il-pulizija u nifhmu li qed jgħin fl-investigazzjonijiet biex il-pulizija tasal għall-persuna l-oħra.
Ir-raġel f’idejn il-pulizija huwa Kuban u jgħodd 39 sena.
Kien ONE News li s-Sibt filgħaxija rrapporta l-ewwel dan il-każ u kien fuq il-post minnufih.
Ftit tal-minuti wara, ONE News żvela li nstab xi demm u balla, tant li l-pulizija kkonfermat dan fi stqarrija.
Il-pulizija ġiet imsejħa l-Imsida ftit wara s-sebgħa u nofs tas-Sibt filgħaxija u l-pulizija wettqu tfittxijiet għal xi nies feruti u anki aggressuri wara li nstab id-demm mal-bieb t’appartament fil-ħames sular u anki mal-bokka tal-komun tal-blokka tal-appartamenti.
Hawnhekk ukoll instabet il-balla.
Madankollu fl-ewwel tfittxijiet fl-appartament minn fejn instema’ l-għajjat marbut mal-argument, ma nstab ħadd għajr sustanza suspettata droga u armi bil-ponta.
Il-Maġistrat Dr Elaine Mercieca qed tmexxi inkjesta b’rabta mal-każ.