Samir Almiri, Libjan ta’ 37 sena li huwa s-suspettat qattiel ta’ Victor McKeon, li nstab mejjet f’appartament f’Santa Luċija fis-17 ta’ Marzu li għadda, mistenni jiġi estradit lejn Malta fil-jiem li ġejjin.
ONE News jinsab f’pożizzjoni li jiżvela din l-informazzjoni esklussiva wara li saru l-arranġamenti meħtieġa biex il-Libjan jinġab f’Malta mill-Marokk.
Is-suspettat fil-qtil tar-raġel ta’ 62 sena kien mar il-Marokk ftit jiem qabel instab il-katavru ta’ McKeon f’Misraħ Dorell f’Santa Luċija.
Il-Libjan kien jgħix ma’ McKeon fl-appartament.
Huwa mistenni jiġi f’pajjiżna b’titjira minn Casablanca fejn imbagħad jibda jaffaċċja proċeduri fil-Qorti Maltija.
Almiri mhux l-ewwel darba li kien xellef difrejh mal-ġustizzja.
Fl-2015 huwa kien tressaq il-Qorti akkużat li pprova jisraq basket ta’ mara viċin il-bajja tal-Balluta.
Sentejn ilu Samir Almiri kien weħel xahrejn ħabs wara li kien neża’ l-qalziet waqt li kien fl-awla quddiem il-Maġistrat Audrey Demicoli.
Intant f’dik deskritta bħala xena mill-iktar makabra, il-katavru ta’ McKeon kien instab fil-banju mgeżwer minn rasu sa saqajh ġo boroż suwed.
Nifhmu li l-ġisem tal-persuna kien ilu bla ħajja għal madwar erbat’ijiem.
Is-sejba tal-katavru kienet saret wara li l-ġirien ta’ McKeon irrappurtaw in-nuqqas tal-persuna hekk kif kienu ilhom ma jarawh.
Dan filwaqt li mal-pulizija rrappurtaw ukoll riħa tinten ħierġa mill-appartament.
Minn hemmhekk il-pulizija flimkien ma’ membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili kienu marru fuq il-post fejn sabu l-ġisem fi stat ta’ dekompożizzjoni.
McKeon kien dam għal xi jiem biex ġie ddentifikat bħala l-vittma.
Il-pulizija kienet qalet li wara li ittieħdu t-testijiet tad-DNA tal-qraba ta’ McKeon u tqabblu mat-testijiet tad-DNA li ttieħdu mill-katavru, ġie ikkonfermat li l-vittma li nqatel brutalment huwa Victor McKeon.
Mill-awtopsja kien rriżulta li McKeon nqatel wara li miet fgat u qala’ daqqiet f’rasu.
F’Awissu tal-2017 McKeon kien ħelisha ħafif wara li kien ġie attakkat b’sikkina u sofra ġrieħi gravi waqt argument fl-appartament fejn instab maqtul.
McKeon kien tressaq ukoll il-Qorti wara li kien sawwat b’injama u qatel ferħ ta’ qattus għax kien deher mitluq.
Huwa kien ġie arrestat wara li tefa’ l-ferħ ta’ qattus ta’ ħames ġimgħat barra fit-triq.