ONE News jista’ jiżvela li żewġ protagonisti ewlenin fil-Partit Nazzjonalista, Frank Psaila u martu Alessia Psaila Zammit irriżenjaw mill-Partit Nazzjonalista.
Frank Psaila kien Kandidat Nazzjonalista għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew li għaddiet u martu Alessia Psaila Zammit hija eks Sindku tas-Siġġiewi u sa ftit tal-ġimgħat ilu kienet Kandidata Nazzjonalista għall-elezzjoni ġenerali li għaddiet.
Tal-aħħar kienet Minority Leader tal-Partit Nazzjonalista fil-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi.
ONE News huwa infurmat li fl-aħħar ħinijiet, Alessia Psaila Zammit bagħtet ittra lis-Segretarju Eżekuttiv tal-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi fejn għarfitu li hija rriżenjat mill-Partit Nazzjonalista u għalhekk mhux se tibqa’ tirrappreżenta lill-partit ta’ Bernard Grech fuq il-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi.
Alessia Psaila Zammit irriżenjat kompletament mill-Kunsill Lokali u għalhekk is-siġġu tagħha jrid jimtela’ minn xi ħadd.
Frank Psaila kien anki Direttur Informazzjoni tal-Partit Nazzjonalista u kien ġie fit-tielet post fost il-kandidati Nazzjonalisti fl-elezzjoni tal-Parlament Ewropew tal-2019.
Surveys politiċi kienu qed jikklassifikaw lil Psaila fit-tieni post u hu mifhum li l-establishment Nazzjonalista li poġġa lil Bernard Grech Kap, fosthom nies bħal Karol Aquilina, ħadmu fi block vote biex Psaila jiġi wara Roberta Metsola u David Casa u għalhekk ma jitlax.
Frank Psaila u martu kienu magħrufa li kienu leali lejn il-Partit Nazzjonalista u appoġġjaw lil Adrian Delia.
Sorsi li tkellmu magħna qalulna li fl-aħħar elezzjoni ġenerali, it-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista ppreferiet kandidati fuq oħrajn u Alessia Psaila Zammit, li ħadmet fil-Partit Nazzjonalista għal għoxrin sena, ingħatat il-ġenb.
Dawn it-tip ta’ manuvri kixfithom ukoll Doris Borg li ħarġet fuq it-tieni distrett u qalet li ġiet ikkalpestata d-dinjità tagħha u kandidata oħra ġiet preferuta fuqha.
Ir-riżenji ta’ Frank Psaila u Alessia Psaila Zammit ikomplu ma’ għadd ta’ riżenji oħra fil-partit ta’ Bernard Grech, kemm qabel l-elezzjoni ġenerali u anki wara.
Fil-fatt fl-aħħar jiem ma rriżenjatx biss Doris Borg minn Kunsilliera Nazzjonalista tax-Xgħajra iżda anki l-kandidat Ivan Bartolo li joħroġ fuq ir-raba’ distrett elettorali.
Dan qal li l-Partit Nazzjonalista tal-lum ma għadux jagħrfu.