F’nofsinhar se jkun qed jitħabbar min se jkun l-Isqof il-ġdid t’Għawdex. Is-sagristani tal-Knejjes Għawdxin ġew infurmati biex ftit qabel nofsinhar idoqqu l-qniepen.
Sorsi qrib id-djoċesi t’Għawdex qalu lil ONE News li Dun Anton Theuma ta’ 56 sena, direttur Pastorali tal-Kummissjoni Djoċesana Familja f’Għawdex mistenni jkun is-suċċessur ta’ Monsinjur Mario Grech, li se jkun qed iħalli d-djoċesi tat-tliet għoljiet. Fil-fatt, kif hija l-prassi, se jkunu in-Nunzju Appostoliku li jħabbar l-isem tal-Isqof il-ġdid t’Għawdex wara li fil-proċess tal-għażla kien hemm idejn il-Kurja ta’ Ruma u l-Papa fost oħrajn.
Dun Theuma ilu involut fil-Kummissjoni Djoċesana Familja f’Għawdex u kien anki delegat tal-Isqof Grech fil-Kummissjoni. Ismu beda jissemma dan l-aħħar wara li fil-ġimgħat ta’ qabel għajnejn dawk li jsegwu l-iżviluppi fil-Knisja Għawdxija kienu fuq Monsinjur George Bugeja, il-Vigarju Appostoliku ta’ Tripli, fil-Libja.
Bħal konklavi, ġeneralment min jidħol Papa qabel jiġu mgħarbla l-ismijiet joħroġ bil-karlotta ħamra u jibqa’ kardinal u s-sorsi tagħna fil-Kurja Għawdxija sostnew li hekk jista’ jkun ġara f’dan il-każ. Nifhmu li l-Isqof Grech ħalla t-timbru tiegħu wkoll fl-għażla tas-suċċessur tiegħu.
Dun Anton Theuma huwa r-raba’ Isqof mix-Xagħra Għawdex u l-ewwel Isqof Xagħri fid-Djoċesi Għawdxija. Dun Anton kien ukoll ir-Rettur tas-Seminarju t’Għawdex.
Il-kariga ta’ mexxej tad-djoċesi t’Għawdex ġiet vakata meta f’Ottubru li għadda, is-Santa Sede ħabbret li l-Isqof Mario Grech se jkun qed jinħatar Pro-Segretarju tas-Sinodu tal-Isqfijiet. Kariga li se twasslu biex iħalli l-gżira tat-tliet għoljiet u jmur f’Ruma jaħdem fil-Vatikan u jieħu post il-Kardinal Lorenzo Baldisseri li miegħu qed jaħdem fuq sinodu li sar lejn tmiem is-sena l-oħra fuq il-komunità nisranija ta’ dawk li jgħixu fl-Amażonja.
Mario Grech, li kien ħa post l-Isqof Nikol Cauchi fl-2005, bħalissa huwa l-Amministratur Appostoliku tad-djoċesi t’Għawdex. Hu mifhum li l-imxija ħarbtet ftit il-pjanijiet hekk kif sal-Għid, Għawdex kellu jkollu Isqof ġdid. Fl-ittra pastorali tiegħu fil-bidu ta’ Mejju, l-Isqof Mario Grech ta x’jifhem li t-tluq tiegħu mhux ‘il bogħod hekk kif indirizza lill-merħla nisranija tiegħu billi uża l-kliem li din tista’ tkun l-aħħar darba li qed ikellimhom bħala Isqof tagħhom.
Ara wkoll:
https://www.one.com.mt/2020/06/17/dirett-thabbira-ufficjali-tan-nomina-tad-disa-isqof-tad-djocesi-ghawdxija/