Teżisti tensjoni kbira interna fi ħdan il-Grupp Parlamentari Nazzjonalista dwar jekk illejla, il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia għandux joħroġ ‘il barra mill-Parlament kif qed jgħidulu jagħmel uħud mill-membri parlamentari jew inkella jekk jibqax fil-Parlament għax fost l-oħrajn illejla se tiġi diskussa l-liġi dwar il-vjolenza domestika.
Aktar kmieni, one.com.mt, irrapporta li biex Delia jipprova jnaqqas l-inkwiet intern li għandu fil-Grupp Parlamentari, kien se joħroġ lid-Deputati Nazzjonalisti mill-Parlament u jgħid li ma jistax ikun li l-affarijiet jibqgħu għaddejjin bħas-soltu.
Din l-aħbar waslet sabiex kienu bosta, fosthom id-Deputati Nazzjonalisti nfushom li wasslu l-għadab tagħhom lill-Kap Nazzjonalista, għal din id-deċiżjoni. Dan mhux biss għax kienet xi ħaġa li diġà rajna sseħħ mill-Grupp Parlamentari Nazzjonalista, mossa li ma wasslet għal ebda rizultati, iżda għax hemm diskussjoni tant importanti dwar il-vjolenza domestika.
Il-ħsieb huwa li Adrian Delia jgħid li minkejja li bħalissa mhux business as usual, huwa ma jistax jaqbeż diskussjoni dwar il-vjolenza domestika.
Intnat kmieni waranofsihar Sorsi fil-Partit Nazzjonalista żvelaw ma’ Onew News li grupp Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista li seħħ ilbieraħ fil-bini tal-Parlament reġa’ kien wieħed bi ġlied kbir b’nies ta’ Delia jakkużaw lill-fazzjoni ta’ Simon Busuttil, Jason Azzopardi u Karol Aquilina li qed jimminaw lill-Partit. Fil-laqgħa iżda rrisolvew li l-Oppożizzjoni toħroġ mill-Parlament b’sinjal ta’ boycott u bil-messaġġ li “mhux business as usual”.
Sorsi qalu li din il-mossa kellha ssir ilbieraħ. Madankollu ma saritx minħabba l-ġlied kbir li kellhom fil-Grupp Parlamentari.
Id-diskussjoni fil-Grupp Parlamentari kienet dwar il-mozzjoni li ressaq Chris Said. L-istess sorsi qalulna li f’ħin minnhom, deputat li jappoġġja lil Delia akkuża lil Said li dak li għamel, għamlu biex jimmina lill-Kap. Kompla billi qallu li dawn il-manuvri huma kollha għal xejn għax il-Kap “is here to stay”.
Dan l-inkwiet qed iwassal biex Delia jagħmel azzjonijiet li qed jissejħu ta’ paniku billi jdur għal tattiċi li uża Busuttil fil-leġislatura li għaddiet. Bħall-manuvra li kienet ippjanata għal-lejla fejn l-Oppożizzjoni toħroġ mill-Parlament b’sinjal ta’ protesta. Dawn it-tattiċi qed isiru għax Delia jrid jipprova jżomm fazzjoni milli tkompli tattakkah.
“L-istess tattiċi se jtuna riżultati agħar. Jekk il-Kap se jaqa’ għall-fazzjoni ta’ Busuttil u Azzopardi se mmorru aktar lura milli diġa’ morna,” qalu l-istess sorsi.