Żewġ żgħażagħ Maltin daħlu f’baħar ta’ inkwiet wara li fl-aħħar jiem ġew arrestati mill-pulizija f’Ruma wara li tajru drone fuq il-Kolossew.
Iż-żgħażagħ ta’ sbatax-il sena kienu fuq btala t’avventura f’Ruma meta nhar it-Tnejn li għadda wieħed minnhom tajjar id-drone fuq il-Kolossew, fiċ-ċentru tal-kapitali Taljana.
Hu mifhum li uffiċjali Taljani waqqgħu d-drone u arrestaw minnufih liż-żewġ Maltin.
Sorsi qrib ONE.COM.MT sostnew li t-triq viċin il-Kolossew ingħalqet u numru ta’ pulizija ċċirkondaw iż-żona.
Il-Maltin ittieħdu f’għassa f’Ruma u aktar tard saret tfittxija estensiva fil-post fejn kienu qed joqogħdu.
Jirriżulta li fl-Italja huwa illegali li ttajjar drone fuq postijiet storiċi u l-Maltin inżammu arrestati għal tnax-il siegħa sħaħ.
Għalkemm iż-żgħażagħ Maltin inħelsu u rritornaw Malta, il-każ għadu ma ngħalaqx u każ bħal dan jista’ jwassal għal multa jew sentenza ta’ sena ħabs.