Fl-aħħar sigħat il-Pulizija Maltija arrestat żagħżugħ Sirjan ta’ 20 sena fuq bażi ta’ mandat ta’ arrest Ewropew. L-arrest seħħ fil-Pjazza tal-Ħamrun. Dan meta Pulizija pajżana taw is-salt fuq vann ta’ lewn blu li kien għaddej minn Triq il-Kbira San Ġużepp għall-ħabta tas-sitta tal-lejla.
ONE News huwa nfurmat li l-arrest seħħ wara jiem twal ta’ investigazzjonijiet mill-Pulizija tat-Taqsima tal-Intelliġenza magħrufa bħala ‘Criminal Intelligence Unit’ .
Filmati miksuba minn ONE News juru kif is-Sirjan allegatament irreżista l-arrest malli l-Pulizija taw is-salt għall-fuqu u ħarguh mill-vann fejn immanetjawh mal-art.
Minnufih ġew imsejħa l-Pulizija tad-Distrett tal-Ħamrun li taw l-assistenza tagħhom u ħaduh fl-għassa tal-Ħamrun imannettjat.
ONE News hu nfurmat ukoll li s-Sirjan mistenni jitressaq il-Qorti fil-jiem li ġejjin u biex jibda process ta’ estradizzjoni.
Mill-bidu tas-sena ‘’l hawn, il-Pulizija aġixxiet fuq ħames mandati ta’ arrest Ewropew. L-operazzjoni tal-lum hija intiża sabiex persuni maħruba u mfittxija internazzjonalment jiġu mgħoddija f’idejn il-ġustizzja.