Il-pulizija arrestat Amerikan li għandu qrib is-70 sena u li kien qiegħed mfittex mill-Awtoritajiet Amerikani biex jaffaċja akkużi ta tixħim, assoċjazzjoni fi frodi ta madwar $50 miljun lill-Gvern Amerikan u anki akkużi ta’ ħasil ta’ flus.
L-Amerikan ġie arrestat f’San Ġiljan u se jitressaq il-Qorti llum għall-ħabta tas-sagħtejn u nofs ta’ waranofsinhar.
Nifhmu li fil-Qorti se jibdew proċeduri biex l-Amerikan jiġi estradit lejn l-Istati Uniti u jaffaċċja l-ġustizzja Amerikana.
ONE News hu infurmat li l-Amerikan kien ilu maħrub mill-Amerka u mfittex u fl-aħħar inqabad f’Malta.
Aġġornat
Intant il-pulizija kkonfermat l-istorja ta’ ONE News.
L-Amerikan huwa Frank Salvatore Rafaraci u jgħodd 68 sena.
Huwa ġie arrestat ilbieraħ filgħodu wara li wasal f’pajjiżna lbieraħ stess.
Dan l-arrest seħħ b’ħidma konġunta bejn l-awtoritajiet Maltin u dawk Amerikani.
Huwa se jitressaq il-Qorti quddiem il-Maġistrat Yana Micallef Stafrace u l-Prosekuzzjoni se titmexxa mill-Ispetturi Robinson Mifsud u Omar Zammit mit-Taqsima tar-Relazzjonijiet Internazzjonali.