Ftit sigħat qabel il-Kumitat għall-Imġiba Xierqa u l-Etika jiskadielu żmien li fih għandu joħroġ bid-deċiżjoni tiegħu dwar l-investigazzjoni fuq Adrian Delia, tressaq ilment ieħor, din id-darba b’allegazzjonijiet serji fil-konfront ta’ Alex Perici Calascione.
F’dik deskritta bħala ritaljazzjoni fuq dak li sar fuq Delia, intuża kunsillier ieħor biex din id-darba jixħet dell ikrah fuq Perici Calascione, il-kandidat tal-establishment Nazzjonalista.
Kien ONE News li t-Tlieta waranofsinhar żvela li Francis Pickard ressaq ittra għand il-Partit Nazzjonalista b’ilment b’akkuzi serji kontra Alex Perici Calascione fejn intalbet li ssir investigazzjoni immedjata dwaru qabel l-elezzjoni tas-Sibt li ġej.
L-ittra tagħmel referenza għall-fatt li Perici Calascione hu miżżewweġ fil-familja Pisani li għandhom maġġoranza tal-ishma fil-Grupp Corinthia. Jingħad li nofs l-ishma huma ta’ kumpanija statali Libjana u li allegatament hi tal-familja Gaddafi tant li fil-Bank of Valletta hemm maqbdua madwar mitejn miljun ewro li ma jistgħux jintużaw.
Fid-dawl tat-talba li l-Grupp Corinthia għamel biex jiżviluppa l-lukandi li għandhom f’San Ġorġ inkluż waħda li titlob bidla fil-permess minn lukanda għal appartameni, Perici Calascione jista’ jsib ma’ wiccu kunflitt ta’ interess qawwi f’każ li jinħatar kap tal-Partit Nazzjonalsita kif ukoll futur prim ministru.
Saħansitra l-ittra tallega li Perici Calascione huwa beneficcjarju f’kumpanijia li wieħed mis-sieħba tagħha jinsab maħrub minħabba miżapproprjazzjoni ta’ fondi u li l-kumpanija ilha ma tippreżenta l-kontijiet tagħha ħames snin meta dak iz-zmien akkumulat telf ta’ nofs miljun ewro.
Fid-dawl ta’ dan, il-kunsillier Nazzjonalist talab lill-Kunsill Amministrattiv u lill-Kummissjoni Elettorali biex jiftħu investigazzjoni mmedjata biex ikun stabbilit jekk Perici Calascione għandux ikompli fit-tellieqa għall-kap. Dan għax fi kliem il-kunsillier, Perici Calascione naqas milli jiddikjara dawn l-interessi mal-kummissjoni.
Intant kien ONE NEWS li kmieni waranofsinhar zvela l-ilment mibghut ilbieraħ lill-Partit Nazzjonalista.
B’reazzjoni l-Partit Nazzjonalsita ħareġ jicħad dak zvelat minn ONE NEWS u li l-President tal-Kunsill Amministrattiv Karol Aquilina kienet qed jipprova jagħmel kuntatt mal-individwu li ressaq l-allegazzjonijiet gravi kontra Alex Perici Calascione.
Madankollu sagħtejn wara c-caħda, l-istqarrija tal-PN ġiet imgiddba wara li l-ittra saret pubblika u għall-ħabta tal-ħamsa tal-Erbgħa filgħaxija waslet għand il-kmamar kollha tal-aħbarijiet.
Interessanti l-fatt li waqt li fil-każ ta’ Delia, il-Partit Nazzjonalista ħareġ immedjatament stqarrija, anki meta kienet diġa bdiet il-votazzjoni bikrija u laħqu vvutaw mija, tmienja u għoxrin kunsillier, l-ilment fil-konfront ta’ Perici Calscione nżamm mistur min-nies li jiġbdu l-ispag fid-Dar Ċentrali.
Irkejjen li jqumu u jorqdu fid-Dar Ċentrali qalulna li l-fazzjonijiet fil-Partit Nazzjonalista komplew jikbru.
B’hekk mhux eskluż li bħalma l-establishment uża lil Charlot Cassar biex iressaq ilment fil-konfront tal-avukat Karkariż, ta’ Delia rritaljaw u fetħu l-kanuni lejn iż-żiemel tal-establishment.
Dawn l-attakki u l-firdiet komplew iżidu fit-tensjoni dwar x’se jiddeċiedi l-kumitat imexxi minn Louis Galea fil-konfront ta’ Delia u jekk dan l-istess kumitat hux se jinjora t-talba ta’ kunsillier ieħor fil-konfront ta’ Perici Calascione.
Dan ipoġġi iżjed fil-limbu l-elezzjoni għal Kap Nazzjonalista, bis-suppost erbat iħbieb għandhom jerġgħu jiltaqgħu għal dibattitu ieħor il-Ħamis fuq l-istazzjon tal-Partit Nazzjonalista.