Minn Jannar 2025, il-funzjonijiet tal-eSkills Malta Foundation se jiġu inkorporati fl-istrutturi tal-Awtorità għall-Innovazzjoni Diġitali ta’ Malta (MDIA). Din l-integrazzjoni se tgħin biex jiġu ottimizzati r-riżorsi u tikkonsolida l-ekosistema tal-innovazzjoni diġitali f’Malta.
B’din l-integrazzjoni, il-programmi ta’ ħiliet diġitali, reskilling u upskilling se jiġu implimentati b’mod aktar ħolistiku. L-MDIA se tkompli timplimenta l-mandat u l-ħidma ta’ suċċess tal-eSkills Malta Foundation, iżda issa dan se jsir fi ħdan strateġija usa’ li tinkludi wkoll il-ħidma ta’ DiHubMT. Dan l-approċċ se jgħin biex jiġu indirizzati l-bżonnijiet tal-industrija f’dak li jirrigwarda ħiliet diġitali b’mod aktar effettiv. Hekk kif l-eSkills hija fondazzjoni bejn il-Gvern u l-Kamra tal-Kummerċ, din id-deċiżjoni ttieħdet wara diskussjonijiet u approvazzjoni mill-istess kamra tal-kummerċ.
Din l-integrazzjoni se toffri opportunità strateġika biex tissaħħaħ l-effiċjenza u l-koordinament tal-isforzi fl-iżvilupp tal-ħiliet diġitali f’Malta, b’mod partikolari fid-dawl tal-importanza li dejjem qed tikber tal-litteriżmu fl-AI kif imħeġġeġ mill-Att dwar l-Intelliġenza Artifiċjali tal-Unjoni Ewropea, fejn l-MDIA għandha rwol primarju f’Malta.
Bl-integrazzjoni tal-iżvilupp tal-ħiliet diġitali fil-mandat tal-MDIA se jkun hemm ukoll il-potenzjal li jiġu integrati inizjattivi ta’ litteriżmu diġitali u bini ta’ kompetenza direttament fl-aġenda tal-innovazzjoni diġitali ta’ Malta.
Il-Ministru għall-Ekonomija, Intrapriża u Proġetti Strateġiċi, Silvio Schembri, qal, “Din l-integrazzjoni hija pass importanti sabiex nikkonsolidaw l-isforzi tagħna fl-iżvilupp tal-ħiliet diġitali u l-innovazzjoni f’Malta. Permezz tal-MDIA, inkunu qed niżguraw li jkun hemm aktar sinerġija u kordinazzjoni, li mhux biss isaħħaħ il-kompetittività tal-ekonomija diġitali tagħna iżda jpoġġi lil Malta minn ta’ quddiem fil-qasam tal-litteriżmu fl-AI u l-ħiliet diġitali. Dan huwa pass kruċjali biex nindirizzaw b’mod konkret il-bżonnijiet tal-industrija u ngħinu lill-ħaddiema Maltin jadattaw għall-isfidi u l-opportunitajiet li ġġib magħha t-teknoloġija diġitali.”
Il-Kap Eżekuttiv tal-MDIA is-Sur Kenneth Brincat qal li, “Din l-integrazzjoni se tkompli ssaħħaħ l-ekosistema tal-ħiliet diġitali f’Malta, u tippermettilna noffru soluzzjonijiet prattiċi għal sfidi reali li qed jiffaċċjaw in-negozji u s-soċjetà.”
Il-Kap Amministratur ta’ eSkills Malta Foundation is-Sur Carmel Cachia aċċenna li, “Se tkun żgurata l-kontinwità tal-inizjattivi u l-ħidma ta’ suċċess eżistenti tal-eSkills Malta Foundation, li wittiet it-triq għal aktar ħiliet diġitali fost iċ-ċittadini Maltin, filwaqt li jiġu integrati fil-qafas strateġiku tal-MDIA biex inkomplu nibnu fuq din il-bażi soda.”
Fl-aħħar mill-aħħar, din l-integrazzjoni tippreżenta opportunità biex jiġi żgurat li l-iżvilupp tal-ħiliet diġitali jibqa’ prijorità fl-aġenda ekonomika tal-pajjiż. L-MDIA, b’dawn il-funzjonijiet, se jkollha rwol ċentrali biex il-workforce ta’ Malta jkollha l-ħiliet meħtieġa biex tiffjorixxi fl-ekonomija diġitali.
L-integrazzjoni se tidħol fis-seħħ nhar l-ewwel ta’ Jannar 2025, u għaldaqstant kwalunkwe korrispondenza jew mistoqsijiet għandhom jiġu kkomunikati fuq l-indirizz elettroniku info@mdia.gov.mt jew inkella permezz tat-telefon 21828800.