Tnediet wirja tal-arti bl-isem ‘Refraction’, li tinkludi xogħlijiet minn diversi artisti mill-komunità LGBTIQ internazzjonali u lokali li qed timmarka l-ftuħ ta’ Malta Pride 2021. Din se tibqa’ tintwera fi Spazju Kreattiv għal sitt ġimgħat.
Din hija biss l-ewwel avveniment minn programm sħiħ organizzat mill-Allied Rainbow Communities bit-tema #YouAreIncluded.
Il-President tal-ARC Clayton Mercieca qal li t-tema ta’ din is-sena taċċenna l-importanza li avolja mxejna ‘l quddiem f’dan il-qasam għad hemm ħafna xogħol x’isir fejn tidħol edukazzjoni, saħħa, attitudnijiet u fl-identita’ tal-ġeneru.
Fl-aħħar tal-ġimgħa se nagħlqu b’kunċert bl-isem You Are Included li se jkun ċelebrazzjoni tad-diversità. Bħala kunċert se nifirħu b’dak li jagħmilna aħna.
Iċ-Ċermen tal-Fondazzjoni Kreattività Rupert Cefai tenna li huwa kuntent li Allied Rainbow Communities għazlu li jniedu l-programm ta’ Malta Pride Week propju fi Spazju Kreattiv u li fost l-attivitajiet għal din iċ-ċelebrazzjoni hemm l-aspett kreattiv.
Il-Ministru għall-Ugwaljanza Owen Bonnici zar l-esibizzjoni u fakkar fit-traġitt ta’ Malta fejn tidħol l-ugwaljanza.
Fl-aħħar snin sar ħafna xogħol biex il-pajjiz iħaddan id-diversità u llum qegħdin fuq nett fid-drittijiet tal-LBTIQ. Irridu nkomplu nirbħu aktar imħuħ u qlub ta’ nies dwar il-bzonn li d-divesita tkun pozittiva u ssaħħaħ is-soċjetà tagħna.
Il-Ministru għall-Arti Josè Herrera qal “Spazju Kreattiv ġie stabbilit sabiex jemfasizza l-liberta’ tal-artisti u l-kreattivi tagħna. Dan il-forum jgħożż u japprezza d-diversità bis-sħiħ.”
L-esebizzjoni REFRACTION se tibqa’ miftuħa sal-24 t’ Ottubru. Aktar avvenimenti se jkunu mnizzla fuq is-sit maltapride.org.