Fil-Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija ġew esibiti kranji tawwalin li kienu nstabu fl-Ipoġew ta’ Ħal Saflieni, f’wirja bl-isem ta’ “Alien Headaches? The Hypogeum Skulls Enigma”. Dawn kienu nstabu fis-seklu għoxrin.
Il-Kuratur Sharon Sultana spjegatilna li l-karatteristiċi tagħhom jagħmluhom partikolari ħafna.
Qalet kif, “F’wieħed mir-rapporti Temi Zammit jiddiskrivi dawn il-kranji anke bil-qisien tagħhom għax tajjeb li ngħidu li fil-bidu tas-seklu għoxrin kien importanti ħafna illi jieħdu l-qisien tal-kranji għax kien hemm din it-teorija għaddejja li prattikament riedu jistudjaw il-kranji tan-nies tal-perjodu Neolitiku u tal-Preistorja kienux ġejjin mill-Africa jew humiex ġejjin mill-ewropa allura kien hemm din it-tip ta’ distinction”.
Il-wirja se tagħti wkoll indikazzjoni tal-kundizzjoni tas-saħħa ta’ dawn il-persuni, hekk kif uħud mill-kranji jidher li kellhom forma ta’ tumur. Il-fdalijiet tas-snien se jagħti wkoll stampa tad-dieta f’dak iż-żmien.
Il-Ministru Jose Herrera ddeskriva l-wirja bħala l-qofol ta’ sena impenjattiva ħafna għall-Mużew tal-Arkeologija li ħataf l-opportunità biex jagħmel xogħolijiet ta’ restawr.
Qal kif, “ Dan l-Istudju huwa interessanti għax jindika it-taħlit ta’ nies u ta’ ġnus anke f’dak il-perjodu daqshekk antik u anke daqshekk tal-qedem. Dan il-mużew muwiex l-ikbar wieħed fid-dinja pero’ fl-opinjoni tiegħi huwa wieħed mill-aktar mużewijiet interessanti li hawn fid-dinja għax għandek vdalijiet ta’ storja, ta’ umanita illi tmur lura ħafna ħafna snin u f’pajjiżi oħrajn m’għandhomx”.