Studenti li qed jistudjaw l-Arti u d-Disinn fl-MCAST qegħdin jesebixxu l-proġetti tagħhom bi preparazzjoni għall-festival li l-Istitut għall-Arti Kreattiva jtella’ kull sena.
L-istudenti li qegħdin fit-tieni sena tal-korsijiet rispettivi, esploraw diversi materjali. Fost, il-materjali saru proġetti t’arti biċ-ċeramika u fuq it-tila kif ukoll oħrajn relatati mad-dinja tal-moda u t-tessuti.
Waqt l-esebizzjoni, fil-kampus tal-Mosta tkellimna ma’ żewġ studenti fejn tawna togħma żgħira ta’ dak li ħolqu waqt l-istudji tagħhom.
Studenta i qaltilna li l-proġett tagħha ħadha fin-natura b’mod speċjali fuq it-tjur, fejn qiegħda tesebixxi ammont ta’ għasafar maħduma mit-tafal.
Qalet, “I was looking at different birds and how they fly by looking at photography of them. Then, I tried to capture those feelings in those birds.”
Studenta oħra li tkellimna magħha spjegatilna kif għamlet pultruna li tinqasam fit-tnejn wara li kienet ispirata mis-solitudni li wieħed seta’ għadda minnha waqt il-pandemija.
Spjegat, “U bażikament din tinqasam fi tnejn, tkun waħda u jekk eżempju tiġi ħabibtek jew hekk tkun tista’ taqsamha fi tnejn u jkunu jistgħu joqgħodu bejn xulxin.”
Intant, id-Deputat Prinċipal tal-MCAST, Dr Tatjana Chircop saħqet kif parti mill-kurrikulu tal-MCAST joffri mhux biss it-teorija iżda esperjenza ta’ xogħol fil-prattika.
Qalet, “Parti mill-hands-on experience illi l-kors jinkludi allura l-istudent mhux biss jitgħallem it-teorija bħala istituzzjoni vokazzjonali imma jitgħallem ukoll b’mod importanti ħafna jitgħallem għax qed jagħmel l-affarijiet.”
Dr Martina Caruana, id-Direttur tal-Istitut għall-Arti Kreattiva innotat li din l-attività qed tipprepara għal ħames edizzjoni tal-ICA Festival li ser tkun wirja estensiva ta’ dak li jsir fl-istitut.
Spjegat, “Fit-2 ta’ Lulju nniedu il-Festival il-ħames edizzjoni tal-MCAST ICA Festival, Spazju Kreattiv allura nħeġġu lin-nies ukoll jiġu spazju kreattiv fejn jistħgu jaraw wirja ta’ xogħol iżjed estensiv li jgħaqqad dak kollu li nagħmlu hawnhekk ġewwa l-istitut.”