l-Ministru għall-Ekonomija, Investiment u Negozji Żgħar, Chris Cardona, fetaħ uffiċjalment esebizzjoni li qed tippromwovi u tinkoraġġixxi l-artiġjanat fost l-istudenti fl-iskejjel b’koperazzjoni sħiħa bejn il-Ministeru, id-Dipartiment tal-Kummerċ u Heritage Malta. Ix-xogħol artiġġjant bl-injam, ħadid u ġebel magħmul mill-istudenti tal-Kulleġġ St Thomas More Boys’ Learning Support Centre fil-Ħamrun, qed jiġi esebit fil-Ministeru sal-aħħar ta’ Frar.
Il-wirja toffri opportunità unika biex tgħin lill-istudenti tal-Learning Support Centre, b’diffikultajiet soċjali, emozzjonali u ta’ imġiba, sabiex juru t-talenti u l-ħiliet tagħhom fix-xogħol bl-idejn. Il-Ministru Cardona awgura l-istudenti li kienu preżenti għat-tnedija, għall-kapaċitajiet u l-ħila tagħhom u ħeġġiġhom jkomplu jiżviluppaw it-talenti tagħhom.
“Il-Gvern huwa kommess li jkompli jaħdem għal ġieħ l-artiġjan, u lejn min jaħdem favur l-artiġjanat Malti. Dan għandu rwol importanti mhux biss għall-ekonomija imma fil-kultura u fl-identità Maltija,” qal il-Ministru.
Din l-esebizzjoni tkompli ma’ sensiela ta’ esebizzjonijiet oħra li għal dawn l-aħħar snin ittellgħu fil-binja li tospita l-Ministeru. Waqt iċ-ċerimonja tqassmu ukoll ċertifikati ta’ parteċipazzjoni lill-artiġjani Maltin li kienu pparteċipaw fil-fiera tal-artiġġjanat li ssir kull sena ġewwa Milan. Din l-inizjattiva ilha titwettaq għal dawn l-aħħar tliet snin mid-Dipartiment tal-Kummerċ flimkien mal-Malta Enterprise.