Exploring the Phoenician Shipwreck off Xlendi, Gozo hija esebizzjoni ġdida ta’ Heritage Malta. Din tiffoka fuq l-iskoperta ta’ ġifen Feniċju li jmur lura għas-700 sena Q.K. Misjub il-barra mix-Xlendi fl-2007, f’qiegħ ta’ 110 metru, dan il-ġifen antik ġibed attenzjoni dinjija minħabba li hu l-eqdem xini mgħerreq li nstab f’dan ir-reġjun.
Din l-esebizzjoni ġiet inawgurata uffiċċjalment mill-On. Dr Justyne Caruana, Ministru t’Għawdex, Dr. Anton Refalo, Ċermen ta’ Heritage Malta, u l-Prof. Timmy Gambin, Kap tat-Taqsima ġewwa Heritage Malta tal-Wirt Kulturali ta’ taħt il-baħar, fil-Gozo Area Office taċ-Ċittadella. Il-pubbliku għandu l-opportunità li jżur din l-esebizzjoni sal-31 t’Awwissu 2019.
Il-Feniċi kienu magħrufa bħala negozjanti u baħħara mill-iprem li rnexxielhom jistabilixxu sistema kummerċjali impressjonanti li kienet tilħaq pajjiżi differenti. Ir-rotot kummerċjali tagħhom kienu jestendu saħansitra sal-Brittanja, jilħqu l-port tal-Mesopotamja u anki l-artijiet tal-Greċja u ta’ Kreta. B’danakollu, ir-rotot preċiżi fejn kienu jivvjaġġaw, illum għadhom mhux magħrufa għal kollox. Għaldaqstant, l-iskoperta ta’ iġfna li jiddataw għall-Perjodu Feniċju jitfgħu dawl fuq ċertu rotot li dawn il-kummerċjanti misterjużi kienu jaqbdu.
Ibbażata fuq studju ta’ aktar minn 10 snin riċerka, l-Università ta’ Malta, b’kollaborazzjoni ma’ numru ta’ entitajiet, utilizzat teknoloġija mill-iprem biex tistudja u tesplora wieħed mill-aktar sejbiet arkeoloġiċi interessanti li jinsabu fiċ-Ċentru tal-Mediterran. Din l-esebizzjoni se tispjega dwar it-teknika innovattiva li ġiet użata għal dan il-proġett, fosthom il-metodi utilizzati sabiex jinġabru xi artifatti minn ġewwa dal-ġifen antik, li numru minnhom ma kienux magħrufa fir-rekord arkeoloġiku.
Minbarra li se jkunu jistgħu jsegwu r-riżultati ta’ dan l-istudju sinifikanti, il-viżitaturi ta’ din l-esebizzjoni se jingħataw iċ-ċans li jesploraw numru ta’ artifatti li ttellgħu mill-ġifen Feniċju. Barra minn hekk, huma se jkunu jistgħu jużaw apparat awdjo-viżiv li jeħodhom f’dinja oħra taħt il-baħar. L-esebizzjoni se tkun qed tispjega wkoll il-ġrajjiet tan-negozju, tat-tpartit, tal-produzzjoni u tal-konsum tal-Mediterran Arkajku.
Din ir-riċerka għadha għaddejja u r-riżultati se jkunu qed jiffurmaw parti importanti mill-esebiti permanenti tal-Mużew t’Għawdex, li Heritage Malta u l-Ministeru t’Għawdex qed jikkollaboraw biex jiftħu.
Il-materjal ta’ din l-esebizzjoni ġie esebit ukoll fi Brussell waqt il-Presidenza Ewropeja Maltija, fejn intlaqa’ b’interess notevoli mix-xena internazzjonali.
Din l-esebizzjoni tinsab fil-Gozo Area Office ta’ Heritage Malta, Exhibition Hall, St Martin’s Quarter Street, Ċittadella.
Ħinijiet tal-ftuħ: Mit-Tnejn sal-Ġimgħa, mit-8:00am sal-4:00pm. Dħul b’xejn.