Id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi ilu għal diversi snin iwettaq ħidma ta’ manutenzjoni u tranġar fuq il-Mitħna tax-Xarolla fiż-Żurrieq. Fost is-snin fejn sar dan ix-xogħol jinkludu l-1978, l-2002 u riċentament din is-sena.
Il-mastrudaxxi ta’ dan id-Dipartiment permezz tad-Direttorat tal-Manifattura u Servizzi kienu responsabbli mix-xogħol tal-injam tagħha u taż-żona li tinsab fiha din il-Mitħna.
Bejn l-4, il-5, il-11 u t-12 ta’ Novembru, fil-Mitħna se tittella’ esebizzjoni li turi x-xogħlijiet li saru matul iż-żminijiet. Hawnhekk wieħed jista’ jara xogħol l-ħaddiema tas-servizz pubbliku matul iż-żmien u jiskopri iktar informazzjoni fuq l-istejjer tal-imtieħen f’Malta.
Din l-esebizzjoni hija miftuħa għal pubbliku b’xejn mid-9 ta’ filgħodu ’l quddiem.
Din l-attività qed issir b’kollaborazzjoni bejn id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Kunsill Lokali taż-Żurrieq.
Sadanittant, ftit jiem qabel tibda din l-esebizzjoni, żar il-Mitħna tax-Xarolla, il-Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi Stefan Zrinzo Azzopardi, flimkien mas-Sindku taż-Żurrieq Rita Grima.
Il-Ministru Stefan Zrinzo Azzopardi spjega kif din l-esebizzjoni qed tirrakkonta l-istorja ta’ din il-mitħna, kif ukoll ir-rakkont tax-xogħol li għamel id-Dipartiment biex ħa ħsieb din il-mitħna. Hu rringrazzja lill-ħaddiema tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi kollha li ħadmu tul is-snin biex din il-mitħna titgawda.
Min-naħa tagħha, is-Sindku taż-Żurrieq Rita Grima ħeġġet lin-nies biex iżuru din l-esebizzjoni.