Mil-lum tnediet esebizzjoni dwar il-Funtana tat-Tritoni u Pjazza Tritoni, li tantiċipa l-inawgurazzjoni uffiċjali ta’ dawn iż-żewġ proġetti għada filgħaxija. L-esebizzjoni qed tittellgħa fil-foyer tal-Parlament ta’ Malta u tinkludi diversi ritratti tal-funtana u tal-pjazza meħuda matul is-snin. L-istorja ta’ dan il-post ċentrali għal bosta Maltin toħroġ biċ-ċar f’dan il-passaġġ viżwali.
Esebiti wkoll hemm mudelli żgħar tal-funtana u tal-pjazza wara r-restawr u r-riġenerazzjoni tagħhom.
Il-Parlament ta’ Malta se jospita din l-esebizzjoni sas-16 ta’ Jannar, 2018. Il-ħinijiet tal-ftuħ huma mid-09:00 sal-16:30 mit-Tnejn sal-Ġimgħa u mid-09:00 sa 12:00 is-Sibt u l-Ħadd. Il-pubbliku mistieden iżur din l-esebizzjoni mingħajr ħlas.