‘Il-Ħajja’: wirja ta’ 63 biċċa skultura mnaqqxa minn idejn l-artist u skultur rinomat Għawdxi mix-Xagħra, Mario Agius.
Kull skultura għandha messaġġ sinifikanti warajha dwar l-esperjenzi varji li l-bniedem jgħaddi minnhom tul ħajtu.
Min-niket, għall-ferħ, għat-tbatija, b’mod partikolari fix-xjuħija.
Arti li saħansitra tfakkar lil dawk li jbatu mid-dimensja u li fl-istess ħin isibu l-imħabba tal-għeżież tagħhom.
Arti li ssellem l-omm, il-wild fil-ġuf, u l-ħlas.
Fil-binja tas-Soċjetà Maltija għall-Arti, fil-Belt Valletta, iltqajna mal-iskultur Mario Agius li spjega l-messaġġ ewlieni tal-wirja tiegħu.
Qal, “L-esebizzjoni jisimha ‘Il-Ħajja’, jiġifieri tirrappreżenta l-ħajja tal-bniedem u ta’ kull wieħed u waħda minna. Hawn xogħlijiet differenti fejn tara l-ħajja x’toffri, kemm tbatija, ferħ, niket, familji li tgħaqqad mal-ambjent tagħna lkoll.”
L-arti oriġinali hija mnaqqxa fuq kemm fl-injam, kif ukoll fil-ġebla Maltija, fl-irħam ta’ Carrara, u anke fl-irħam ta’ Għawdex.
Il-wirja se tibqa’ miftuħa sas-19 ta’ Mejju.