“Ix-xewqat tagħkom iż-żgħażagħ nagħmluhom realtà flimkien u twettquhom intom bl-attiviżmu.”
Kien dan il-messaġġ tal-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela, ġewwa ċ-Ċentru Nazzjonali Laburista waqt attività miż-Żgħażagħ Laburisti, il-Ġimgħa filgħaxija.
Din l-okkażjoni fakkret il-65 anniversarju mill-istrajk ġenerali tat-28 ta’ April tal-1958 fejn żgħażagħ u ħaddiema ingħaqdu flimkien u rvellaw kontra t-tmexijja tal-Imperu Ingliż, bil-għan li pajjiżna jipprogressa fil-miġja għall-Ħelsien.
Tul din l-attività saret diskussjoni rigward l-attiviżmu bil-Prim Ministru Robert Abela fost l-udjenza, kif ukoll iż-żgħażagħ u anzjani li qasmu l-perspettivi tagħhom.
Fid-diskors tiegħu l-Prim Ministru Robert Abela aċċenna għal dak li ġara fit-28 ta’ April ta’ 65 sena ilu, u qal li ż-żgħażagħ tal-lum, bħal dawk ta’ qabilhom għandhom għan komuni, dak li jħarsu lejn il-futur.
Intant, Dr Abela fakkar fis-sejħa għall-applikazzjonijiet biex żgħażagħ jiffurmaw parti mill-Youth Advisory Forum u jressqu isimhom fil-Kunsilli Lokali tas-sena d-dieħla.
Finalment, il-Prim Ministru saħaq li flimkien f’Jum il-Ħaddiem nhar l-1 ta’ Mejju għandna ningħaqdu il-Belt biex nibagħtu messaġġ b’saħħtu li l-Partit Laburista huwa l-partit taż-żgħażagħ.
Intant tkellimna ma’ Georvin Bugeja, il-President at Żgħażagħ Laburisti hekk kif kompla jisħaq fuq l-importanza tal-attiviżmu politiku b’rabta mad-dokumentarju Azzar li ntwera wkoll tul din l-attività.
Georvin Bugeja qal li, “L-importanza ta’ dan id-dokumentarju huwa li jġegħlna nirriflettu dwar l-importanza tal-attiviżmu taż-żgħażagħ illum il-ġurnata illi r-relevanza taż-żgħażagħ fil-politika ma tonqosx.”