“Erġgħu agħtuna l-fiduċja, għax fadlilna ħafna x’niksbu flimkien għal pajjiżna.” Dan kien il-messaġġ tal-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela waqt diskors pożittiv li għamel quddiem folla sabiħa ta’ nies, li nġabru fil-Birgu għal waħda mill-aħħar attivitajiet ta’ din il-kampanja elettorali, bl-għajta ‘Is-Saħħa lill-Maltin’, u li se twassal għal jum il-ġudizzju elettorali.
Il-Prim Ministru saħaq kif is-Sibt li ġej l-għażla hi waħda ċara, bejn il-Partit Laburista fil-Gvern, li ma waqafx jinvesti fin-nies, u l-Partit Nazzjonalista li hu moħħu biss fil-gwerer.
Kien għalhekk li appella lil kulħadd biex imorru jivvotaw lit-tim b’saħħtu ta’ kandidati tal-Partit Laburista.
“Imma naħdem kemm naħdem, jaħdmu kemm jaħdmu sħabi tal-Kabinett, iħabbtu kemm iħabbtu bibien il-kandidati, waħedna m’aħniex se naslu. Għandi bżonn l-għajnuna ta’ kull wieħed u waħda minnkom. Ara ma nistriħux qabel l-aħħar vot ikun intefa’ fil-kaxxa nhar it-8 ta’ Ġunju fl-10:00 ta’ filgħaxija. Għad hawn min jemmen, ħbieb tiegħi, li t-8 ta’ Ġunju ġurnata normali. Għad hawn min jemmen li forsi jistgħu jieħdu pass lura u jħallu deċiżjoni u l-futur ta’ pajjiżna, fuq il-futur ta’ wliedhom, jeħodha ħaddieħor flokhom.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Fil-Birgu, il-Prim Ministru qal li dan il-Gvern se jkompli jwettaq, fosthom permezz tal-implimentazzjoni tal-elf proposta mill-manifest ‘Malta Flimkien’.
Dan minkejja t-tfixkil kollu li qed isib tul it-triq, fosthom mill-establishment Nazzjonalista.
Saħaq kif, fl-aħħar ġimgħat ta’ kampanja elettorali, hu baqa’ jisma’, jifhem, jispjega u jiddiskuti man-nies fil-komunitajiet u l-postijiet tax-xogħol tagħhom. U tenna kif il-Partit Laburista għandu pjan ċar biex imexxi ’l quddiem l-interessi ta’ pajjiżna fl-Ewropa u pjan ċar għall-interessi tal-kunsilli lokali.
Robert Abela temm id-diskors tiegħu b’messaġġ b’saħħtu.
“Aħna konna, għadna u se nibqgħu nkomplu nkunu Gvern tarka tagħkom. Għandna pjan ta’ Gvern li intom ivvotajtu għalih sentejn ilu, il-manifest ‘Malta Flimkien’. Emmintu fih, sentejn ilu, nemmen li għadkom temmnu fih bis-saħħa. Mela issa wasal il-mument li terġgħu tkunu warajh. Erġgħu kunu warajja, bikom warajja, lili ma jwaqqafni xejn, la pandemija, la gwerer u wisq inqas l-establishment. Kemm fadlilna x’niksbu flimkien għal pajjiżna. Kemm fadlilna x’niksbu flimkien għal uliedna. Mela ngħaqdu ponn warajja, erġgħu isilfuni l-fiduċja b’saħħitha tagħkom. Erġgħu saħħuli l-mandat biex inkun il-Prim Ministru tagħkom. Is-saħħa f’idejkom. Is-Saħħa lill-Għawdxin. Is-Saħħa lill-Maltin.”
Il-Prim Ministru Robert Abela