“Il-Knisja qed terġa’ tiskjera ruħha kontra l-minoranzi. Ma titgħallem qatt!”
Dawn il-kummenti ta’ Patri Mark Montebello dwar l-aġir tal-Knisja dwar il-kwistjoni tal-IVF.
Knisja li, tenna, hi “magħluqa fil-bużżieqa ta’ moħħha”, “skjerata kontra ż-żgħir”, u li “deċiża li tispara f’saqajha”. Dan b’referenza għall-minoranza li f’dan il-każ huma d-donaturi taċ-ċelloli għat-tnissil, il-maternità surrogata, u l-iffriżar tal-embrijuni.
Patri Mark Montebello innota kif il-Knisja għandha storja twila warajha b’din l-attitudni – mill-kwistjoni ma’ Strickland, għar-riformi ta’ Boffa biex jidħlu t-taxxa fuq il-qligħ u l-vot tan-nisa, ir-referenda għall-Integration u l-Indipendenza, u r-referendum fuq id-divorzju u l-liġi ta’ sħubijiet ċivili.
Spjega li issa erġajna bdejna naraw l-isteriżmi, l-argumenti sempliċisti, il-kruċjati, u x-xenarji apokalittiċi….fi ftit kliem dawk li sejjaħ: “il-vavati ta’ dejjem”.
U filwaqt li la jidħol fil-mertu tal-emendi proposti u lanqas joħodha kontra l-kritika mpoġġija ’l quddiem, Patri Montebello jispjega kif l-istrateġija tal-Knisja tkompli ssaħħaħ il-perċezzjoni li l-Knisja hi irrazzjonali, intolleranti, u insensittiva.
Fosthom jagħmel referenza għall-manifestazzjoni tat-22 ta’ April, b’sorijiet, saċerdoti, isqfijiet “jiċċaċċru” b’kartelluni prefabbrikati, u għadd ta’ nies li ma jifhmux fi kwistjonijiet delikati bħal dawn. Referenza wkoll għat-taqtieq bl-addoċċ fuq l-internet.
Għemil li joħloq perċezzjoni li, ġusta jew le, hija pessma. Xi ħaġa li qed tagħmel, u se tibqa’ tagħmel ħsara kbira lill-Knisja nnifisha. Knisja, li b’dan il-mod – sostna Montebello – qed teqred lilha nnifisha, ir-relevanza tagħha, u li qed tiġi mwarrba dejjem iżjed.
Patri Mark jispjega kif “din l-istituzzjoni venerabbli qed tagħmel, donnha apposta, lilha nnifisha vulnerabbli dejjem iktar”.
Però kollox ma’ kollox, Patri Montebello jemmen li għad fadal it-tama li l-affarijiet jitranġaw xi ftit.
Tama li l-Knisja teħles xi ftit mill-umiljazzjoni li l-paroli fil-vojt u l-istupidaġnijiet iġegħluha ġġarrab għalxejn.