Recep Tayyip Erdogan – il-mexxej li ilu fil-poter fit-Turkija sa mill-elfejn u tnejn, rebaħ l-elezzjoni li saret matul il-jum tal-Ħadd – biex ġie kkonfermat li se jibqa’ fit-tmun tal-pajjiż għall-ħames snin li ġejjin.
Mumenti wara li ntemmet il-votazzjoni sar magħruf li l-President kiseb il-maġġoranza assoluta tal-voti.
Wara l-għadd ta’ disgħa u disgħin fil-mija tal-voti ġie rrappurtat li Erdogan rebaħ bi tlieta u ħamsin fil-mija filwaqt li r-rivali tiegħu Muharrem Ince kiseb wieħed u tletin fil-mija tal-voti.
L-oppożizzjoni qalet li minkejja r-riżultat, se tkompli bil-ġlieda demokratika tagħha.
Ir-riżultat uffiċjali tal-elezzjoni – li kienet waħda mill-iżjed ħarxa fil-pajjiż fl-aħħar snin, se jkunu ppubblikati l-Ġimgħa.
It-Turkija għadha tinsab fi stat t’emerġenza wara li falla attentat ta’ kolp ta’ stat lura f’Lulju tal-elfejn u sittax.
Dawn l-elezzjonijiet kienu skedati li jsiru f’Novembru tas-sena d-dieħla, iżda Erdogan iddeċieda li jsiru qabel.