Fil-5 ta’ Mejju tal-1983, erbgħin sena ilu, l-eks President ta’ Malta Anton Buttigieg ħalla din id-dinja. Il-poplu Malti sellimlu b’funeral statali.
Imwieled il-Qala, iben Salvu u Ċetta mwielda Falzon, Anton Buttigieg studja l-liġi u ħadem bħala spettur u avukat fil-Korp tal-Pulizija.
Wara l-gwerra, ħadem ukoll bħala ġurnalist mat-Times of Malta, fuq l-aspetti legali u l-Qrati, fost oħrajn. Kien proprju Ġuże’ Ellul Mercer li ħajjar lil Buttigieg biex joħroġ għall-elezzjoni tal-1955 mal-Partit Laburista.
Għal xi żmien, Anton Buttigieg kien il-President tal-Partit Laburista u bejn l-1962 u l-1976 Deputat Mexxej tal-Partit. Serva wkoll bħala Ministru tal-Ġustizzja u l-Affarijiet Parlamentari fil-kabinett tal-Prim Ministru Dom Mintoff.
Nhar is-27 ta’ Diċembru tal-1976 ġie elett bħala t-tieni President ta’ Malta, wara Sir Anthony Mamo. Huwa dam jokkupa din il-kariga sal-1982. L-avukat Anton Buttigieg jibqa’ magħruf bħala l-Poeta tan-Natura u ppubblika għadd ta’ poeziji u xogħlijiet interessanti li ħafna minnhom ġew maqluba f’lingwi oħrajn.
Fl-okkażjoni tal-40 anniversarju mill-mewt ta’ Buttigieg, l-Amministrazzjoni tal-Partit Laburista, immexxija mill-Kap Eżekuttiv Randolph Debattista, flimkien mal-Kumitat Distrettwali, poġġew fjuri f’riglejn il-Monument tiegħu fil-Ħamrun, xogħol il-mibki Anton Agius fl-1984.
L-avukat John Buttigieg, iben Anton, tarrfilna kif nibtet l-idea li l-monument ta’ missieru jinħadem f’dik il-pożizzjoni.
Qal, “Missieri kien imur Ħad-Dingli, fejn hemm dik il-Knisja tal-Maddalena, u hemmhekk hemm bank, u kien joqgħod jitpaxxa bis-sbuħija tan-natura, u kien joqgħod b’din il-pożizzjoni. Anton Aguis, li kien ħadmu kien mir-Rabat, u ġieli ltaqa’ miegħu hemm, u lili kien qalli, ‘Minn hemmhekk kont ispirat, għamiltu kif nafu hemmhekk.”