Ġiet imnedija t-tielet edizzjoni tal-Istaġun ta’ ŻiguŻajg, liema staġun se jiġbor fih diversi forom ta’ arti kreattiva, fosthom il-mużika, it-teatru, l-animazzjoni diġitali u ż-żfin.
Dawn se jkunu miġbura fi ħmistax-il proġett differenti.
Dan l-istaġun ġdid tal-festival ŻiguŻajg se jkun qed isir bl-involviment ta’ erbgħin artist u se jkun utli għall-promozzjoni tal-arti u l-artisti ġodda.
Fit-tnedija ta’ dan l-istaġun, iċ-Chairman tal-Fondazzjoni Kreattività, Rupert Cefai spjega kif ŻiguŻajg huwa storja ta’ suċċess ta’ għaxar snin, u f’dan iż-żmien dan sar wieħed mill-festivals ewlenin fil-kalendarju kulturali.
Huwa spjega kif minkejja l-isfidi riċenti, dan il-festival xorta jiġbed lejn udjenzi sostanzjali.
Qal, “F’dawn l-aħħar sentejn kellna sitwazzjoni pjuttost straordinarja minħabba l-pandemija, anke kellna sena minnhom fejn il-festival sar purament online. Biss, xorta żammejna numri sostanzjali ta’ udjenza, jiġifieri jidher biċ-ċar li ŻiguŻajg huwa mixtieq u mistenni mill-pubbliku Malti.”
Intant, id-Direttur Artistiku ta’ Spazju Kreattiv, Daniel Azzopardi stqarr li ŻiguŻajg għandu l-mira li jippreżenta inizjattivi kreattivi lokali u anke internazzjonali biex jitgawdew mit-tfal.
Stqarr kif bi pjaċir qiegħed iħabbar it-tielet sena konsekuttiva tal-Istaġun ta’ ŻiguŻajg, u spjega ma’ ONE News x’jista jistenna l-pubbliku minn dan l-istaġun.
Spjega, “Varjetà ta’ dixxiplini differenti, jiġifieri, arti tradizzjonali, teatru, żfin, mużika, imma wkoll animazzjoni diġitali, għandna taħlita wkoll ta’ films mir-rapertorju interessanti ħafna. Xi ħaġa għall-familja kollha jsibu żgur.”