Għada l-Ġimgħa, il-President tar-Russja Vladimir Putin se jkun qed jiffirma biex erba’ reġjuni Ukreni uffiċjalment jsiru parti mir-Russja. Dan se jsir f’ċerimonja apposta wara r-riżultat tar-referendum li sar fuq ħamest ijiem.
Dan ir-referendum ġab kundanna mill-Ukrajna u mill-Punent.
Ir-reġjuni huma Luhanska u Donetsk li huma fil-Lvant tal-Ukrajna u Zaporizhzhia u Kherson fin-Nofsinhar tal-pajjiż.
Il-President Russu se jkun qed jagħmel diskors tal-okkażjoni. Fil-fatt, diġà ntrama palk fil-Pjazza l-Ħamra f’Moska u anke tpoġġew billboards b’messaġġ illi l-erba’ reġjuni issa huma parti mir-Russja.
Matul dan ir-referendum ma kien hemm l-ebda moniteraġġ indipendenti u saħansitra uffiċjali elettorali bdew iħabbtu bieb bieb biex ir-residenti li fadal f’dawn ir-reġjuni jixħtu l-vot tagħhom.
Intant, wara l-eżitu tar-referendum, l-Amerika qalet li se tkun qed timponi aktar sanzjonijiet fuq ir-Russja filwaqt li l-istati membri tal-Unjoni Ewropea wkoll qed jikkunsidraw it-tmien pakkett ta’ sanzjonijiet.