Tliet irġiel ta’ bejn l-20 u d-29 sena u tfajla ta’ 22 sena mistennija jitressqu l-Qorti wara li tard it-Tnejn filgħaxija nqabdu jsuqu b’veloċità kbira karozza li kienet irrapportata misruqa.
Il-pulizija qalet l-każ seħħ għall-ħabta tal-11.00 p.m. wara li ġiet mgħarrfa li kien hemm karozza tal-għamla Mitsubishi li kienet qiegħda tieħu n-nar fi Triq Selmun, il-Mellieħa.
Fuq il-post marru l-Pulizija tad-Distrett u dawk tar-Rapid Intervention Unit li nnotaw vettura tal-għamla Mercedes taħrab minn fuq il-post b’veloċità qawwija.
Il-Pulizija saqu għal warajha u rnexxielhom iwaqqfuha. Fil-karozza, kien hemm it-tliet irġiel u t-tfajla. L-erba’ li huma ġew arrestati u skortati lejn il-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija.
Fuq il-post issejħu l-membri tal-Protezzjoni Ċivili li kkontrollaw in-nirien.
Dwar il-każ infetħet inkjesta mmexxija mill-Maġistrat tal-Għassa Doreen Clarke li ħatret bosta esperti biex jassistuha fl-inkjesta.
L-investigazzjonijiet tal-pulizija għadhom għaddejjin.