Niġerjan weħel erbatax-il sena ħabs wara li nstab ħati li pprova joqtol it-tarbija tal-eks sieħba tiegħu.
Tard il-Ġimgħa filgħaxija l-ġurati ħarġu bil-verdett tagħhom ta’ tmien voti kontra wieħed, f’ġuri li nstema’ f’dawn l-aħħar jiem.
Fid-dawl li l-ġurati ħarġu b’verdett hekk b’saħħtu, l-Imħallef Antonio Mizzi ordna sentenza effettiva ta’ priġunerija għal Rotimi Williams Akande li jgħix il-Mellieħa.
Akande kien akkużat li fil-ħmistax t’April ta’ erba’ snin ilu huwa heżżeż lit-tifel tal-eks sieħba tiegħu li kien għad kellu sena u tliet xhur u li kien qed jolfoq bil-biki.
Fix-xhieda tagħhom it-tobba li eżaminaw lit-tifel li llum għandu ħames snin kienu sostnew li t-tifel sofra minn ġrieħi permanenti f’moħħu u llum jgħix fid-Dar tal-Providenza.
Huma kienu spjegaw li t-tifel sofra minn dik msejħa bħala shaken baby syndrome.