Wara jiem ta’ investigazzjonijiet, għall-ħabta tal-għaxra u nofs ta’ dalgħodu, il-Pulizija b’ħidma konġunta bejn sezzjonijiet differenti tal-Korp, iċċirkondat garaxx fi Triq is-Serkin, fil-Marsa, li allegatament kien qiegħed jintuża għat-traffikar tad-droga.
Operazzjoni, li matulha ġew arrestati erbat irġiel, tnejn mill-Marsa stess ta’ 19-il sena u 29 sena, ieħor ta’ 26 sena mill-Qrendi u raġel ieħor ta’ 39 sena li joqgħod Bormla.
Minn tfittxija fuq il-post ġew elevati madwar 100 qartas allegatament droga sintetika, 100 qartas ieħor bil-kokaina u l-eroina, kif ukoll madwar €3,000 fi flus kontanti.
Bil-każ ġie informat il-Maġistrat Philip Galea Farrugia li ħatar inkjesta, waqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.