Erba’ żgħażagħ Vjetnamiżi, tliet ġuvintur u tfajla, li l-età tagħhom tvarja bejn 19 u 30 sena, ngħataw sentenza ta’ sitt xhur ħabs effettivi, kull wieħed.
Dan wara li ġew akkużati li ppruvaw imorru Franza b’passaport falz.
Dawn l-istudenti, Nguyen Van Diep, Tran Van Boa, Ngo Thi Hoai, u Nguyen Trong Dat, huma parti minn grupp ta’ 160 student, li ġew f’pajjiżna biex jistudjaw l-Ingliż għal kors t’erba’ xhur, iżda ppruvaw isalpaw lejn l-Ewropa.
Dan wara li fil-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Yana Micallef Stafrace, huma ammettew l-akkużi miġjuba kontrihom.
Irrappreżentati minn avukat tal-għajnuna legali, huma ma kkontestawx il-validità tal-arrest.
Il-Prosekuzzjoni kienet mmexxija mill-Ispettur Lara Butters.