Fost il-pakkett ta’ miżuri li tħabbru aktar kmieni din il-ġimgħa u li se jidħlu fis-seħħ mit-tnejn ta’ Awwissu, hemm dik tal-liv tal-ġenituri.
Din il-miżura, imħabbra ftit tal-ġranet ilu waqt konferenza tal-aħbarijiet, se jkunu qed igawdu minnha l-ġenituri kollha, li se jkunu intitolat għal erba’ xhur liv.
L-liv tal-ġenituri s’issa kien ta’ erba xhur bla ħlas. Bil-bidliet li se jsiru, xahrejn minn dan il-liv se jkunu mħallsa skont in-National Parental Leave Rate u x-xahrejn l-oħra – li mhux imħallsa – ikunu jistgħu jiġu trasferiti bejn ġenitur u ieħor.
Apparti hekk, dan il-liv se jinqasam tul l-ewwel tmien snin tal-wild, u b’hekk jiġi aċċertat li l-ġenituri jkunu jistgħu jagħmlu użu minnu meta l-aktar li jkollhom bżonn.
Dwar dan tkellimna mal-ekonomista Kirsten Cutajar Miller, li spjegat kif il-miżura l-ġdida se tkun qed taħdem.
Qalet, “Il-parental leave, qegħdin nitkellmu fuq erba’ xhur għal kull ġenitur ġdid, kemm addottiv u kemm foster parents. L-erba’ xhur huma, kif għidt, għal kull parent u jistgħu jintużaw matul l-ewwel tmien snin tal-wild. Xahrejn minnhom dak il-leave ma jistax jiġi trasferit, imma wkoll importanti, xahrejn minnhom issa huma bi ħlas. Fejn qabel kienu kollha unpaid, permezz ta’ din id-direttiva ħa jkun hemm ħlas għal dak il-liv.”
Kirsten spjegat ukoll li b’din il-miżura kulll ġenitur se jkun jista’ jqatta’ aktar ħin biex jiħu ħsieb il-bżonnijiet uliedu.
Qalet, “Fl-ewwel erba’ snin tal-wild il-ġenituri jridu jieħdu nofs il-liv allokat għalihom. Hemm ħafna iktar flessibilità milli kien hemm qabel biex wieħed ikun jista’ jieħu dan il-liv b’mod flessibli biex dejjem ikun jista’ jieħu ħsieb il-bżonnijiet ta’ wliedna.”
Din il-miżura soċjali tagħmel parti minn sett ta’ miżuri li huma parti mid-Direttiva tal-Unjoni Ewropea intiża biex toħloq aktar bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata tal-individwu. Fil-manifest elettorali għall-aħħar elezzjoni, il-Partit Laburista kien wiegħed li Gvern Laburista ġdid jaħdem sabiex minn din is-sena tiġi implimentata din id-Direttiva. Fis-snin li għaddew, il-Gvern Laburista kien katalista biex f’pajjiżna ddaħħlu miżuri li rrivoluzzjonaw is-soċjetà Maltija, inkluż il-liv tal-maternità.