F’Novembru se tkun qed tirritorna lura fl-abitat naturali tagħha l-fekruna li ftit jiem ilu ġiet salvata minn żagħżugħ li sabha bix-xlief f’ħalqha waqt li kien fuq il-baħar.
Minn l-aħħar informazzjoni li ngħatat lill-istess żagħżugħ, irriżulta li s-sunnara kienet fl-imsaren u għalekk se jsir trattament twil. Il-fekruna qed tiekol u sabiex tittiekel is-sunnara żidulha l-ikel biex b’hekk tittiekel mill-aċtu tal-istonku. Apparti minn hekk qed tingħata ż-żejt sabiex kif ix-xlief jinqala’, joħroġ minn wara malajr.
F’messaġġ li ntbagħat lilu, qalulu kif dan il-proċess se jkun qed jieħu madwar erba’ xhur fejn f’Novembru tkun tista’ terġa’ tirritorna fil-baħar.
Kien fi tmiem Lulju li ż-żagħżugħ tella’ abbord lill-fekruna u minnufih ċempel lin-Nature Trust sabiex jgħinu lil din il-fekruna biex b’hekk tkun tista’ terġa’ tmur lura fl-abitat naturali tagħha.
Kienu bosta li faħħru l-ġest ta’ dan iż-żagħżugħ b’uħud isostnu li mnalla sabha għax kieku ma seħħx hekk seta’ kellha destin ferm differenti.