Erba’ żgħażagħ Taljani tressqu l-Qorti wara li ġew arrestati wara li l-bieraħ serqu minn ħanut tal-abiljament sportiv f’Birkirkara.
Antonio Montuori ta’ dstax-il sena, Simone Barbaro ta’ tmintax, Leonardo Tedesco ta’ tmintax and żgħażugħ ieħor ta’ sbatax-il sena kienu akkużati b’serq aggravat.
L-erba’ turisti dehru fil-Qorti libsin qalżiet sportiv u flokk.
Il-Prosekuzzjoni qalet lill-Qorti li dawn iż-żgħażagħ minn Gela fl-Italja li bħalissa qegħdin f’pajjiżna fuq btala, u li kienu qed jirrisjedu fl-istess kamra tal-lukanda f’Buġibba. qajmu suspett wara li kienu qed jaġixxu b’mod stramb ħdejn il-kmamar fejn wieħed jiprova l-ħwejjeġ.
L-uffiċjali tal-Pulizija waqfu liż-żgħażagħ qrib il-ħanut u sabu l-ħwejjeġ misruqa f’ arbuxelli fil-viċin. Jidher li l-valur tal- ħwejjeġ tad-ditta huwa inqas minn €2,300.
Fil-każ ta’ Montuori, Barbaro u Tedesco il-Qorti tat sentenza ta’ tmintax-il xahar ħabs sospiżi għal tlettin xhur, il-minimu applikabbli. Iż-żgħażugħ ta’ sbatax-il sena ingħata l-libertà kundizzjonata bil-kundizzjoni li ma jikkomettix reat ieħor fi żmien tlett snin.