Erba’ timijiet għaddew għas-semifinali ta’ Laferla Futsal Knock-Out wara li rebħu l-logħbiet rispettivi tagħhom. Il-holders u champions preżenti Luxol St Andrew’s għelbu l-isfida ta’ Ħamrun SC Futsal 4-2. Il-Ħamruniżi kienu fil-vantaġġ għal darba darbtejn iżda t-tim immexxi minn Gabriel Dobre kien pront dawwar ir-riżultat favurih. Mark Zammit skorja doppjetta, b’Everton da Silva Santos u Emil Raducu li kienu wkoll fost l-iskorers. Ħamrun skorjaw iż-żewġ gowls tagħhom permezz ta’ Justin Theuma u Collin Sammut. Referees kienu Stephen Vella u Marco La Rosa.
F’logħba ferm sabiħa, l-Universita’ ta’ Malta għelbu lil GZR Birżebbuġa 6-4. Wara taqsima fejn iż-żewġ naħat kienu viċin xulxin, fit-tieni taqsima, l-Universitarji ħarġu tajjeb u fetħu vantaġġ li baqgħu jżommuh sal-aħħar. L-iskorer prolifiku Cleavon Portelli skorja tripletta filwaqt li Luke Anthony Borg kien awtur ta’ doppjetta. Mohamed Elamari kompla jżid l-iskor għat-tim tiegħu. GZR Birżebbuġa baqgħu fil-logħba b’Shataizan Zarb, Armando Gjepali u Nikola Milenkoski jiskorjaw tlieta mill-gowls. Referees kienu Clinton Cassar u Andrea Naudi.
Marsaskala għelbu lis-selezzjoni Maltija ta’ taħt is-17-il sena 8-0. Kif jindika l-iskor, l-Iskalin iddominaw il-partita u skorjaw il-gowls tagħhom permezz ta’ doppjetti ta’ Dale Valletta u Ryan Pisani filwaqt li Bertram Azzopardi, Amir Ashtiyani, Sean Parnis u Owen Duca kellhom is-sodisfazzjon li jiskorjaw gowl kull wieħed. Referees kienu Stephen Vella u Sara Kankaras.
Ta’ Xbiex għelbu lil Swieqi United LEC 07 5-3. Dawn iż-żewġ naħat kienu ltaqgħu ġimgħa ilu fil-kampjonat fejn kienu Swieqi li rebħu 6-1. Din id-darba iżda t-tim ta’ Christian Wismayer wettaq tpattija sportiva hekk kif rebħu dan il-konfront. Juan Bautista Conde skorja tripletta għal Ta’ Xbiex filwaqt li Redeemer Borg u Giancarlo Sammut ukoll niżżlu isimhom fost l-iskorers. Swieqi baqgħu fil-logħba wara gowls ta’ Rodrigo Rocha, Roller Cruz u Claudio Venuto. Referees kienu Stephen Vella u Danilo Francalanza.
Ritratt: Terry Caselli