L-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta ngħata erba’ stilel minn organizzazzjoni ta’ awditjar ewlenija fl-industrija tat- trasport bl-ajru, Skytrax. Fl-Ewropa huma biss 13 l-ajruporti li jgawdu minn erba’ stilel, fosthom Zurich, Barcelona El Prat u Amsterdam Schipol.
Din il-klassifikazzjoni permezz ta’ għoti ta’ stilel ġiet introdotta fl-1989 u llum il-ġurnata hija meqjusa bħala punt ta’ riferiment tal-istandards ta’ kwalità mill-industrija tat-trasport bl-ajru madwar id-dinja. Skytrax tiddeċiedi dwar klassifikazzjoni finali wara li tim ta’ esperti fil-qasam tar-riċerka dwar it-trasport bl-ajru jevalwa l-prodotti u s-servizzi offruti f’punti differenti tal-vjaġġ fl-ajruport.
Madwar id-dinja jeżistu biss 38 ajruport li għandhom erba’ stilel, fosthom l- ajruporti ta’ Beijing u ta’ Vancouver. L-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta kellu prestazzjoni tassew tajba f’ħafna mill-oqsma li ġew awditjati u ġie mogħti aktar minn erba’ stilel għas-sistema ta’ tabelli tiegħu, is-sit il-ġdid, il-faċilitajiet ta’ parkeġġ, l-Internet u l-Wi-Fi, ir- ristoranti li joffri, u l-lounges ta’ La Valette, b’dawn tal-aħħar jiġu deskritti bħala eċċellenti minn Skytrax.
Il-proċessi effiċjenti tal-iskrining tas-sigurtà, minkejja l-limitazzjonijiet eżistenti, ukoll impressjonaw lit-tim ta’ Skytrax. Is-CEO tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, Alan Borg iddeskriva l-prestazzjoni b’saħħitha tal-ajruport fl-oqsma msemmijin hawn fuq bħala xhieda tas-suċċess tal-isforzi kostanti tal-ajruport sabiex itejjeb l-esperjenza tal-passiġġieri, anki lil hinn mit-terminal.
Huwa kompla billi rringrazzja lit-tim tal-ajruport u lis-sħab tal-ajruport b’mod partikolari lill- uffiċjali tal-immigrazzjoni, lill-uffiċjali tad-dwana, lill-pulizija u lill-ground handlers għall-kontribut imprezzabbli tagħhom sabiex seta’ jinkiseb rikonoxximent prestiġjuż ieħor.
Analiżi preżentata minn Skytrax bħala parti mill-awditjar, tesiġi li l-proġett tal-espanjoni tat-terminal għandu jitqies bħala opportunità biex jiġu indirizzati l-limitazzjonijiet eżistenti tal-ajruport, speċjalment fir-rigward tal- proċessi taċ-check-in u tas-sigurtà. Il-proġett ta’ espansjoni, li ser jiswa mat-€28 miljun, ser jinkludi ż-żieda ta’ check-in desks, il-ħolqien ta’ aktar spazju ta’ ċirkolazzjoni u postijiet fejn wieħed ikun jista’ joqgħod bilqiegħda, u l-estensjoni tal- erja tal-iskrining tas-sigurtà.