Erba’ snin ilu, ġie ffirmat ftehim storiku li ra l-paga minima nazzjonali tiżdied bi tmien ewro fil-ġimgħa, biex b’hekk il-ħaddiema Maltin u Għawdxin setgħu jkomplu jirnexxu.
Dan il-ftehim, li kien iffirmat bejn il-Gvern u l-imsieħba soċjali kollha membri tal-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali, aċċerta li l-paga minima ma tkunx intaxxata. Dan sabiex il-paga minima tibqa’ fil-bwiet tal-ħaddiema kollha kemm hi.
B’mod ċar, il-Gvern Laburista kien qal li ma kienx se jittollera li l-ħaddiem jibqa’ fuq il-paga minima wara sena mal-istess kumpanija u li l-paga trid tiżdied. Hawnhekk kien appella lill-unjins u lil min iħaddem biex jassiguraw li ma jkunx hemm abbuż ta’ dan.
F’dan il-ftehim, li kien deskritt bħala wieħed li se jagħti serħan il-moħħ lill-ħaddiema ġie stabbilit mekkaniżmu li kull erba’ snin jipproponi ż-żieda neċessarja fil-paga minima.
Biex dan seta’ jseħħ, l-ewwel f’Malta kellu jinħoloq il-ġid biex ikun jista’ jitqassam, għaliex kieku għoliet il-paga minima mingħajr ma qabel tkattar il-ġid, ħafna kumpaniji kien ikollhom jissikkaw iktar iċ-ċintorin għad-detriment tal-ħaddiema.
Erba’ snin wara, Gvern Laburista mmexxi mill-Prim Ministru Robert Abela baqa’ jagħti prijorità u inċentivi lill-ħaddiema Maltin u Għawdxin kif ukoll baqa’ jara li jkompli jinħoloq ix-xogħol tant li f’pandemija, il-qgħad baqa’ kważi fl-istess livelli ta’ qabel il-pandemija.
Miżura ewlenija li kompliet issaħħaħ il-ħaddiem kienet l-għajnuna fil-ħlas tal-pagi mill-Gvern fejn il-Covid Wage Supplement salva mal-mitt elf impjieg.