Il-11 ta’ Marzu tas-sena 2020.
Dakinhar l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa, il-WHO, kienet iddikjarat li l-imxija, ikkawżata mill-virus tas-SARS (severe acute respiratory syndrome) li żviluppa miċ-Ċina, kienet saret pandemija mifruxa madwar id-dinja kollha.
F’pajjiżna, erbat ijiem qabel kien irreġistrat l-ewwel każ ta’ persuna infettata – tifla Taljana li kienet għadha kemm waslet f’pajjiżna mal-ġenituri tagħha ftit qabel.
Waqt li pajjiżna, bħall-bqija tad-dinja introduċa għadd ta’ miżuri restrittivi, inkluż l-għeluq tal-istabbilimenti kummerċjali, iżda qatt ma impona lockdown totali, mill-1 ta’ Mejju ta’ dik is-sena kien diġà beda jħabbar kontroll aktar speċifiku tar-restrizzjonijiet, waqt li rrilaxxa xi wħud.
Dan kien jinkludi li ċerti ħwienet setgħu jerġgħu jiftħu għan-negozju, waqt li kellhom jibqgħu magħluqin dawk tal-ikel, tal-akkomodazzjoni u d-divertiment.
Dawk li setgħu jiftħu, xorta riedu jimponu l-miżuri li jittestjaw it-temperatura tal-klijenti tagħhom, jipprovdu sanitisers lill-klijenti, waqt li dawn jkollhom il-maskra u jżommu d-distanza.
F’għajnuna bla preċedent, il-Gvern, immexxi mill-Prim Ministru Robert Abela fl-ewwel xhur tiegħu, kien ipprovda ħlas ta’ aktar mill-Paga Minima Nazzjonali, magħruf bħala l-Wage Supplement, lil dawk il-ħaddiema li spiċċaw id-dar minħabba li l-postijiet tax-xogħol tagħhom kellhom jibqgħu magħluqin.
Il-miżura, li swiet lill-pajjiż mas-seba’ mija u ħamsin miljun ewro, serviet biex mhux biss ma jseħħx it-tbassir ta’ 50,000 sensja fostna, iżda anke bħala tħejjija għal dawk in-negozji biex, wara li tispiċċa l-pandemija, ma jkollhomx jerġgħu jibdew ifittxu l-ħaddiema mill-ġdid.
Anke l-ivvjaġġar kien ristrett, bl-Ajruport iwaqqaf l-operazzjonijiet kollha tiegħu, għajr biex iġib lura Maltin li kienu barra minn xtutna, waqt li bejn Malta u Għawdex il-vjaġġi bil-Gozo Channel ukoll kien ristrett ħafna.
Sadanittant, il-Gvern Malti wkoll kien fost tal-ewwel fl-Ewropa, li ordna l-vaċċin appena dan sar disponibbli internazzjonalment, b’ammont li jiżboq dak tal-popolazzjoni kollha. L-ewwel konsenja tal-vaċċin kienet waslet f’pajjiżna nhar is-26 ta’ Diċembru tal-2020 u mill-għada bdew jitlaqqmu l-ewwel il-ħaddiema tas-saħħa.
Mill-1 ta’ Ġunju tal-2021, appena pajjiżna laħaq l-immunità neċessarja għall-virus permezz tat-tilqim, l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta reġa’ fetaħ u beda jopera b’mod sħiħ, waqt li beda jiġi ridott l-użu obbligatorju tal-maskra.
Biex jagħti wkoll imbottatura lill-ekonomija u terġa’ tilħaq il-livell li kienet fih sal-2019, il-Gvern nieda żewġ skemi ta’ vawċers lil kull familja f’pajjiżna, b’investiment totali ta’ aktar minn ħamsa u erbgħin miljun ewro, li setgħu jintużaw għand l-istess negozji lokali li ntlaqtu l-agħar fiż-żmien tar-restrizzjonijiet.
Il-WHO, eventwalment, iddikjarat li l-pandemija m’għadhiex emerġenza tas-saħħa pubblika ta’ tħassib internazzjonali nhar il-5 ta’ Mejju tal-2023.
Tul dan il-perjodu twil u diffiċli, bil-politika tagħha, Malta rreġistrat waħda mill-inqas rati ta’ fatalità u proċessi ta’ emerġenza li kienu ta’ suċċess għall-poplu tagħha, kif iddikjarat mill-WHO u anke l-Kummissarju Ewropew għas-Saħħa, Stella Kyriakides.
Kienet biss l-Oppożizzjoni Nazzjonalista, immexxija minn Bernard Grech, li kkritikat u oġġezzjonat għal kull għajnuna li ngħatat mill-Istat Malti f’dak iż-żmien mill-aktar iebes.
Sal-10 ta’ Marzu ta’ din is-sena, il-pandemija kienet ikkawżat aktar minn seba’ miljun mewt. B’dan jagħmel il-COVID-19 il-ħames l-aktar mard qattiel fl-istorja umana, wara l-Pesta tas-Seklu 14, l-Influwenza Spanjola, il-Pesta tas-Seklu Sitta u l-virus tal-HIV/AIDS.
F’Raħal Ġdid, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne inawgura ġnien kbir iddedikat għal dawk kollha li tilfu ħajjithom kawża tal-COVID-19.
Preżenti għal din l-okkażjoni kien hemm ukoll is-Supretendent għas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci, li tul il-pandemija kollha kienet ukoll saret wiċċ sinonimu mal-poplu Malti.