Raġel ta’ 43 sena ntbagħat erba’ snin ħabs wara li nstab ħati li seraq mowbajl ta’ raġel ta’ 67 sena.
Fil-Qorti, il-Prosekuzzjoni xliet lil Elton Brincat li, fl-ewwel jum tal-2021 fil-Marsa, żamm anzjan kontra r-rieda tiegħu, weġġgħu ħafif, u kiser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest.
Il-Prosekuzzjoni akkużat ukoll lil Brendan Cachia ta’ ħamsa u tletin 35 sena li dakinhar tal-inċident kien kompliċi, saq mingħajr liċenzja, u li rrenda ruħu reċidiv.
Quddiem il-Maġistrat Gabriella Vella, il-vittma xehed li kien miexi lejn il-knisja meta ġie xi ħadd u tah daqqa f’dahru.
Huwa kompla jixhed li, malli waqa’, Brincat qallu li l-mowbajl ried, u tah daqqa ta’ sieq fil-kustilji u ħatafulu minn idu.
Brincat u Cachia wieġbu li mhux ħatja tal-akkużi kollha miġjuba kontrihom.
Madankollu, il-Qorti qalet li l-verżjonijiet taż-żewġ imputati ma jaqblux.
Wara li semgħet is-sottomissjonijiet kollha, il-Maġistrat Gabriella Vella sabet lil Brincat ħati u kkundannatu erba’ snin ħabs, filwaqt li lil Cachia skwalifikatu milli jikseb liċenzja tas-sewqan għal tliet snin.