Brandon Luke Meilaq ta’ 36 sena minn Ħaż-Żabbar ġie kkundannat erba’ snin ħabs wara li ammetta li ħalef ġurament falz quddiem Maġistrat.
Meilaq ġie mixli li ta xhieda falza quddiem dak iż-żmien il-Maġistrat Neville Camilleri nhar l-1 ta’ Diċembru 2015, f’kawża li kienet infetħet mill-Pulzija kontra Freddie Delia.
Meilaq ammetta l-akkuża miġjuba kontrih u talab skuża bil-Prosekuzzjoni u d-Difiża qablu li jsir rapport dwar l-akkużat qabel tingħata s-sentenza.
Ir-rapport qal kif l-akkużat wettaq ir-reat minħabba li kien qed jinkwieta għal familtu, filwaqt li r-rapport irrimarka l-vizzju tad-droga tal-imputat.
L-istess rapport issuġerixxa li Meilaq għandu jintbagħat il-ħabs minħabba l-ħajja instabbli tiegħu, b’abbuż tad-droga u ħajja kriminali fost l-oħrajn.
Il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Nadine Lia qieset ir-reati passati tal-imputat marbuta mad-droga, serq u sewqan perikoluż.
Minkejja li r-raġel ngħata diversi sentenzi komunitarji fil-passat, nstema’ kif ma rriformax ruħu u minflok ntbagħat il-ħabs fuq każ relatat mat-traffikar tad-droga.
B’hekk ir-raġel ġie kkunadannat erba’ snin ħabs.