L-aħwa George u Alfred Degiorgio ingħataw erbgħa snin priġunerija u multa ta’ ħamsa u għoxrin elf ewro kull wieħed, wara li nstabu ħatja ta’ ħasil ta’ flus.
Dan filwaqt li l-mara ta’ George Degiorgio, Anca Adelina Pop inħellset mill-akkużi tagħha, hekk kif il-Qorti rat li kellha spjegazzjonijiet leġittimi wara l-akkwist tal-assi tagħha.
L-aħwa Degiorgio diġà kienu nstabu ħatja tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, u kienu ngħataw sentenza ta’ erbgħin sena priġunerija.
Fil-kumpilazzjoni tal-evidenza marbuta mal-akkużi ta’ ħasil ta’ flus, kienu xehedu tlieta u sittin persuna.
Fil-Qorti, il-Maġistrat Joe Mifsud spjega li akkużi ta’ ħasil ta’ flus huma differenti minn akkużi oħra skont il-liġi ta’ Malta, hekk kif akkużat ma jistax jibqa’ sieket, minħabba li jrid jispjega l-oriġini leġittimi ta’ ġidu.
Tul il-kumpilazzjoni tal-evidenza, kien instema’ kif l-aħwa kellhom numru ta’ karozzi lussużi, kif ukoll żewġ dgħajjes. Instema’ wkoll kif bejn l-elfejn u disgħa u l-elfejn u dsatax, Alfred Degiorgio kien lagħab mas-sitt mitt elf ewro fi tliet casinos f’Malta, filwaqt li ma kien jiddikjara ebda dħul.
Fil-każ ta’ George Degiorgio, instema’ kif l-aħħar li kien reġistrat li jaħdem kien fl-1982, iżda minkejja dan kellu numru ta’ kontijiet ma’ banek, u kien iħallas l-ispejjeż tal-iskola ta’ uliedu. Apparti minn hekk, fl-elfejn u sbatax huwa kien xtara d-dagħjsa tiegħu għal tletin elf ewro.
Il-Qorti ordnat li l-karozzi lussużi u d-dgħajjes tal-imputati jiġu konfiskati, filwaqt li l-aħwa huma mistennija li jappellaw is-sentenzi.