Mara ġiet ikkundannata erba’ snin ħabs u mmultata sebgħin elf ewro (€70,000) wara li sostniet li kellha bżonn il-flus għall-kura tal-kanċer iżda nefqet il-flus fuq logħob tal-azzard.
Anna Cutajar, ta’ sittin sena, tressqet il-Qorti wara li vvintat storja li fiha sostniet li kellha bżonn ħafna flus biex tkopri l-ispejjeż relatati mal-kura tal-kanċer.
Fil-Qorti nstema’ li Cutajar serqet erba’ mija u sebgħin elf ewro minn tliet vittmi.
Hija ġiet akkużata bi frodi, li għamlet qligħ frawdolenti, u b’ħasil ta’ flus.
Wara li semgħet is-sottomissjonijiet u wara li ħadet nota tal-kondotta nadifa tal-mara fuq naħa u n-natura serja tar-reati fuq in-naħa l-oħra, il-Qorti osservat li l-piena ssuġġerita ta’ erba’ snin ħabs kienet leġittima.
Il-Qorti ordnat ukoll il-konfiskazzjoni tal-assi kollha tal-akkużata.