Libjan li jgħix Malta kien ikkundannat erba’ snin ħabs wara li nsab ħati t’ attentat ta’ stupru, attentat għall-pudur bil-vjolenza u li weġġa’ ħafif lill-vittma. Ahmen Rasem Franka insab ħati wkoll li żamm mara kontra l-volonta tagħha u li kkommetta reat kontra l-morali u d-diċenza pubblika.
L-inċident imur lura għal Jannar ta’ sentejn ilu f’ Paceville meta t-tfajla Svediża kienet fi triqtha għal taxi fil-ħamsa ta’ filgħodu, meta r-raġel attakkha minn wara u ġegħlha tmur miegħu fuq il-bajja.
Il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech semgħet ix-xhieda tal-vittma li ssuspettat li kellha d-drink tagħha mbabas għaliex ma kinitx taf kif spiċċat fuq il-bajja fejn ir-raġel jipprova jistupraha.
Sforz l-għajjat t’ għajjut, il-pulizija li ssejħet sabet lill-vittma nofsha mneżża, filwaqt li testijiet forensiċi ppruvaw li l-mara kellha tbenġilha f’ għonqa, wiċċha u dirgħajha.
Fix-xhieda tiegħu l-Libjan li għandu tletin sena, qal li l-mara talbitu biex ikollu x’jaqsma magħha u li l-għajjat li semgħu n-nies fl-akwati kien kant. Iżda l-qorti m’emmnitx din il-verżjoni u minkejja li emmnet li l-mara kienet fis-sakra, innutat li kienet f’ sikkitha biżżejjed biex tirrifjutah u li l-akkużat ma ħax ‘le’ bħala risposta u li kieku ma rawhiex in-nies fl-akwati kien jistupraha.
Minbarra s-sentenza ħabs, il-qorti ordnat li tinħareġ Ordni ta’ Protezzjoni għal tlett snin favur il-vittma.