Erba’ Sindki Għawdxin li kienu ġew eletti mal-Partit Nazzjonalista issa ddeċidew li jerġgħu joħorġu għall-Elezzjoni tal-Kunsilli Lokali tat-8 ta’ Ġunju li ġej, imma mhux iżjed f’isem il-Partit Nazzjonalista. Fil-fatt se joħorġu f’isem il-Partit Laburista jew bħala kandidati indipendenti.
Is-Sindki inkwistjoni huma dawk Għawdxin, tal-Għasri, taż-Żebbuġ, tal-Fontana u tal-Għarb, b’Sindku minnhom jgħid li l-Partit Nazzjonalista lanqas indenja jistaqsih joħroġx f’ismu u għalhekk ħareġ għal rasu.
Żvelat dan it-Times of Malta li, f’rapport, qalet li s-Sindku tal-Għasri Daniel Attard, li kien irriżenja mill-Partit Nazzjonalista fl-2022 qabel l-elezzjoni ġenerali li għaddiet issa se jikkontesta f’isem il-Partit Laburista.
Attard saħaq li kien pass naturali li jikkandida ruħu f’isem il-Partit Laburista ladarba dejjem ħadem għall-ġid tal-lokal.
Qal li hu qatt ma kien qrib il-poter tal-Partit Nazzjonalista u qal li kien hemm bosta fatturi li ġiegħluh jitlaq mill-Partit Nazzjonalista, fosthom ma felaħx jara kandidati Nazzjonalisti jaħdmu kontra Malta fl-istituzzjonijiet Ewropej.
Qal li meta tkellem dwar dan internament fil-Partit Nazzjonalista, hu ġie mwarrab.
Qal li l-Partit Laburista fetaħlu l-bieb u ħadem id f’id miegħu fuq proġetti għall-ġid tal-lokal.
“Għalkemm mhux perfett, il-Partit Laburista jaċċetta u jindirirzza l-iżbalji, kif wara kollox jien stess nagħmel żbalji, bħal kull uman ieħor”, qal is-Sindku tal-Għasri.
Sindku Għawdxi ieħor li ħa jikkontesta mal-Partit Laburista issa hu dak taż-Żebbuġ.
Nicky Saliba qal ukoll li kien pass ovvju li jikkontesta f’isem il-Partit Laburista wara li rriżenja mill-Partit Nazzjonalista u fl-aħħar leġiżlatura għamel parti minnha bħala Kunsillier indipendenti.
Qal li kunsillieri Nazzjonalisti bdew ixekklu xogħol il-Kunsill.
Żewġ Sindki oħrajn, li qed jerġgħu jitfgħu isimhom, iżda mhux f’isem il-Partit Nazzjonalista, huma Saviour Borg tal-Fontana u David Apap tal-Għarb.
Borg qal li l-Partit Nazzjonalista lanqas biss kellmu biex jikkontesta f’ismu.
Dan apparti li saħaq li jaf b’kunsillier Nazzjonalista ieħor li ġralu l-istess.
It-Times irrapportat ukoll li bagħtet mistoqsijiet lill-Partit Nazzjonalista dwar dawn l-iżviluppi, iżda l-Partit ta’ Bernard Grech lanqas biss wieġeb lura.