Erba’ seminaristi fil-ħames sena ta’ preparazzjoni fis-Seminarju tal-Arċisqof, il-Ħadd filgħodu għamlu talba formali lill-Arċisqof Charles Scicluna biex jaċċettahom uffiċjalment bħala kandidati għall-Ordinazzjoni Djakonali u Saċerdotali. Talba li saret fil-Konkatridral ta’ San Ġwann il-Belt Valletta, f’jum l-Epifanija.
Qabel ma bdiet iċ-ċerimonja, tkellimna ma’ wieħed mis-seminaristi, Roderick Baldacchino mill-Parroċċa ta’ Santa Katerina fiż-Żejtun. Magħna huwa esprima l-entużjazmu issa li wasal f’punt kruċjali fil-formazzjoni saċerdotali:
“Ovvjament jibda ġej iktar eċitament iktar ma jgħaddi ħin imma nirringrazzjaw lil Alla la tkun fil-paċi, tkun seren. Nibqgħu għaddejin, mexjin f’din it-triq li l-Mulej sejħilna għaliha hux veru”.
Roderick spjega magħna kif issa tibda t-transizzjoni lejn ħajja dedikata kompletament lill-missjoni tas-saċerdozju:
“Ix-xogħol huwa li nieħdu l-formazzjoni tagħna iktar b’impenn minn qatt qabel biex kemm jista jkun nkomplu niffurmaw ruħna bl-aħjar mod possibbli. Bħala xogħol ovvjament dik hija f’idejn is-superjuri tagħna, nagħmlu dak kollu li jitolbu minna u hekk żgur nibqgħu fil-paċi u nkomplu mexjin f’dak li l-Mulej jixtieq minna”.
Flimkien ma’ Roderick, Jean-Claude Schembri, ukoll mill-Parroċċa ta’ Santa Katarina, Joshua Cortis mill-Parroċċa ta’ San Gejtanu fil-Ħamrun, u Tony Pace mill-Parroċċa tal-Konverżjoni ta’ San Pawl f’Ħal Safi, stqarrew il-frażi “Hawn, jien” – ir-rieda inekwivoka tagħhom li joffru lilhom infushom lill-Knisja biex iservu bħala saċerdoti.
Pass, li jekk kollox imur kif mistenni, ser iseħħ fi ftit snin oħra”
“Nirringrazzjaw lil Alla kienet mixja sabiħa ħafna ma’ ħafna nies u llum dik l-iskop tagħha, din hija xi ħaġa pubblika li l-Isqof jaċċettana biex inkomplu mixjin bil-formazzjoni tagħna u li anke hija wegħda tagħna li nieħdu l-formazzjoni tagħna bis-serjeta iktar issa li anke l-Mulej qed inħossuh isejħilna għas-saċerdozju”.
Fl-omelija tiegħu, l-Arċisqof ddeskriva l-offerta tagħhom li jagħtu ħajjithom lil Alla bħala rigal għal knisja, fl-istess venja kif is-Slaten Maġi offrew ir-rigali meta żaru lil Ġesu Bambin.
Huwa fisser kif it-tliet rigali lkoll fihom sinifikat qawwi fil-ħajja saċerdotali. Id-deheb, li jirrapreżenta lil Ġesu bħala Sultan tad-Dinja, jissifinika l-għaqal u l-prudenza. L-inċens, li jirrapreżenta lil Ġesu bħala Alla, jissinfika l-espressjoni vera u profonda li għandu t-talb u l-mirra, li tirrapreżenta lil Ġesu magħmul bniedem, jissinifika ir-rażan u ċ-ċaħda.
L-Arċisqof talab ukoll lil dawk lill-Insara biex iżommmu lil dawn is-seminaristi fit-talb tagħhom.