Nofs in-nefqa ta’ film ta’ kumpanija Ingliża se tkun intefqet f’pajjiżna.
Dan sar magħruf waqt żjara tal-Ministru għat-Turiżmu Julia Farrugia Portelli fuq is-sett tal-produzzjoni ‘The Seed’ li bħalissa qed tinġibed f’pajjiżna.
Il-kumpanija Ingliża mistennija tonfoq ftit inqas minn żewġ miljun ewro hekk kif f’pajjiżna, matul ix-xahar ta’ Settembru, se jkunu nġibdu erba’ produzzjonijiet.
Il-Ministru Farrugia Portelli u l-Kummissarju tal-Films Johann Grech ltaqgħu mal-produtturi u ma’ wħud minn dawk li qegħdin jieħdu sehem fil-produzzjoni ‘The Seed’.
Il-produttur ta’ ‘The Seed’ Matt Hookings spjega b’entużjażmu r-raġuni għala rritorna f’Malta biex jiġbed produzzjoni oħra minn tiegħu.
Huwa qal: “Delighted to be back in Malta. We shot a movie here last year called The Obscure Life of the Grand Duke of Corsica and we had such an amazing experience that it made sense to come back here again to do this Sci-Fi Horror that we’re doing here in Malta. We’ve had tremendous support from Johann at the Malta Film Commission and Paul and it just made complete sense to come back and do it here. We are very happy to be back.”
Il-Ministru Julia Farrugia Portelli spjegat kif maż-żmien, Malta qed issir iktar attraenti għal produzzjonijiet ta’ kull ġeneru.
Hija stqarret: “Li hija nteressanti fuq din il-produzzjoni hi l-ġeneru ta’ Science Fiction li Malta mhux normalment tattira dawn it-tip ta’ produzzjonijiet imma Malta qed tkun aktar kompetittiva u aktar attraenti għal dawn it-tip ta’ movies u features li qegħdin jiġu ffilmjati f’pajjiżna.”
Il-Kummissarju tal-Films Johann Grech tenna kif dan il-fatt li f’xahar wieħed inġibdu erba’ produzzjonijiet, dan ifisser li minkejja li l-imxija laqtet ukoll l-industrija tal-films, pajjiżna għandu reputazzjoni tajba f’din l-industrija.
Saħaq li filwaqt li pajjiżna huwa kompetittiv, xorta waħda għad hemm fejn bħala pajjiż nistgħu nsaħħu biex din l-industrija tibqa’ ġġib aktar flus lejn Malta, fosthom xogħol għal Maltin.
Huwa qal: “Hemm il-fuq minn 75 crew members jaħdmu fuq dal-film, li aktar minn nofshom huma Maltin. Aħna ninstabu ottimisti biex inkomplu naħdmu u nattiraw aktar films lejn pajjiżna biex b’hekk inkomplu nsaħħu l-industrija lokali.”