Ġuvni ta’ 16-il sena ndarab gravi filwaqt li tliet persuni oħra ndarbu ħafif waqt argument bis-skieken u b’lembuba f’Bormla.
Il-każ seħħ ilbieraħ għall-ħabta tal-għaxra u nofs fi Triq Erin Serracino Inglott, Bormla.
Il-Pulizija tad-Distrett, flimkien mar-Rapid Intervention Unit marru fil-post imsemmi, fejn minn investigazzjonijiet preliminari rriżulta li fl-imsemmi argument kienu involuti ma dwar seba’ persuni u l-argument kien beda f’Misraħ Santa Margerita, Bormla u kompla ġewwa Triq Erin Serracino Inglott.
Ambulanza li ssejħet fuq il-post ħadet żewġt irġiel ta’ 37 u 17-il sena, it-tnejn residenti Bormla, fl-Isptar Mater Dei għall-kura, fejn ġew iċċertifikati li qed isofru minn ġrieħi ħfief, filwaqt li mara ta’ 43 sena u ġuvni ta’ 16 -il sena, ukoll residenti Bormla, ittieħdu fiċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Furjana, fejn filwaqt li l-mara ġiet iċċertifikata li qed issofri minn ġrieħi ħfief, il-ġuvni ġie ċċertifikat li qed isofri minn ġrieħi gravi.
Il-Pulizija elevat żewġt iskieken u lembuba, li allegatament intużaw waqt dan l-argument.
Investigazzjonijiet tal-Pulizija għ adhom għaddejjin.