Erba’ persuni ttieħdu l-isptar Mater Dei wara li kienu involuti f’inċident tat-traffiku f’San Ġiljan li fih kienu involuti tliet muturi kolha tat-tip Harley Davidson, fejn fosthom tnejn ġarrbu ġrieħi gravi u tnejn oħra ġarrbu ġrieħi ħfief.
L-inċident seħħ għall-ħabta tal-12:00 fi Triq Mikien Anton Vassalli f’San Ġiljan fejn fuq il-post issejħu ambulanzi sabiex jieħdu lil dawk li ġarrbu ġrieħi l-isptar.
Il-persuni li ttieħdu l-isptar huma sewwieq ta’ mutur ta’ 36 sena residenti Pembroke li ġarrab ġrieħi gravi, tfajla ta’ 21 sena residenti Marsaskala li ġarrbet ġrieħi ħfief, sewwieq ta’ mutur ta’ 36 sena residenti ż-Żurrieq li ġarrab ġrieħi ħfief u kif ukoll sewwieq Taljan ta’ 57 sena li ġarrab ġrieħi gravi.
Minn investigazzjoni preliminari jidher li mutur minnhom kellu impatt ma’ mutur ieħor, dan waqt li kienu qed isuqu fl-istess direzzjoni bħala parti minn grupp ta’ sewwieqa ta’ muturi.